L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista approva riżoluzzjoni li tiddikjara li l-Forza Nazzjonalista hija xolta.
Il-Partit Nazzjonalista flimkien mal-Partit Demokratiku kienu ngħaqdu f’din il-Forza Nazzjonali biex ikkontestaw flimkien l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, tant li l-kandidati tal-Partit Demokratiku kienu fl-istess mneżlin ma’ tal-PN fil-polza tal-vot.
Ir-riżoluzzjoni tgħid li hekk kif il-Forza Nazzjonali ma rebħitx l-elezzjoni ġenerali li għaddiet allura tiddikjara li din l-alleanza hija xolta u kull forma ta’ koperazzjoni mal-Partit Demokratiku se tibda ssir skont il-każ konċernat.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku qal li l-partit se jkompli jaħdem biex ikun hawn istituzzjonijiet b’saħħithom f’Malta u governanza tajba.
Il-PD sostna li se jkompli jilqa’ fi ħdanu refuġjati politiku li bħall-istess partit u d-deputati tiegħu ma jirrikonoxxux lill-Kap tal-PN Adrian Delia bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni. L-istqarrija tkompli li l-ideali tal-Forzi Nazzjonali se jibqgħu preżenti fil-Partit Demokratiku.
Il-Partit Laburista wkoll ħareġ stqarrija wara li ntemmet il-Forza Nazzjonali fejn qal li bit-tmiem ta’ din l-alleanza, żdiedet il-konfużjoni meta l-Oppożizzjoni suppost li kellha l-istess whip u l-istess linja fil-Parlament.
Il-Partit Laburista qal li l-poplu ma jafx fejn qiegħed mal-Oppożizzjoni għax mifrud aktar minn qatt qabel.