Aġġornata | Qtil DCG: Il-Maġistrat Galea mhux se tkompli bil-kumpilazzjoni tal-provi

Il-Maġistrat Charmaine Galea bħall-predeċessur tagħha tiddeċiedi li ma tkomplix bis-smigħ

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-Maġistrat Charmaine Galea dalgħodu ddeċidiet li bħall-predeċessur tagħha ma tibdiex is-smigħ tal-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ tliet persuni li ġew arrestati b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienet iddeċidiet li ma tkomplix bis-smigħ wara li d-difiża kienet talbet li tinbidel, hekk kif fil-Qorti kienet qalet li sa’ 30 sena ilu kienet fl-istess klassi ma’ oħt Caruana Galizia u li kienet bagħtet il-kondoljanzi.

Il-Maġistrat Galea qrat id-deċiżjoni tagħha f’digriet li kitbet fl-awla wara li talbet għas-silenzju. Id-digriet qal fuq il-ħtieġa li l-ġustizzja trid tidher li qed issir.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Aktar kmieni fil-bidu tas-seduta, l-Maġistrat Charmaine Galea kienet qalet li meta kienet avukat kellha każ ta’ libell fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia u li l-ġurnalista fil-passat kienet kitbet dwar in-nomina tagħha meta nħatret Maġistrat.

Hawnhekk l-avukat Martin Fenech iddikjara li d-difiża ma kinitx se topponi li l-Maġistrat Galea ma tkomplix bis-smigħ jekk ma kinitx qed tħossa komda li tibda bil-kumpilazzjoni tal-provi. Il-prosekuzzjoni sostniet li kellhiex oġġezzjoni li l-Maġistrat Galea tkompli bis-smigħ.

L-avukat Jason Azzopardi kkwota l-Kodiċi Kriminali u kif l-arrest jaqa’ wara ammont ta’ żmien u kif l-akkużati kienu jafu li l-kumpilazzjoni tal-provi imbagħad taqa’ wkoll. Appella lill-Qorti sabiex ma tispiċċax tiġi manipulata min minn irid jaħrab mill-ġustizzja.

L-avukat tad-difiża Martin Fenech iżda saħaq li kull persuna trid titqies innoċenti sakemm ma jitressqux provi li juru bil-kontra u oġġezzjona għall-istqarrija ta’ Jason Azzopardi.

Martin Fenech enfasizza kif il-pressjoni fuq il-Qorti hija inġustizzja għax ma titħalliex taħdem fil-paċi u tispiċċa ma tkunx imparzjali.

Ritratt | James Bianchi
Ritratt | James Bianchi

Il-Maġistrat Galea kienet telgħet bil-polza mill-Qorti u kienet ġiet appuntata biex tibda s-smigħ tal-kumpilazzoni tal-provi fil-konfront ta’ tliet persuni li kienu ġew arrestati. Il-Maġistrat kellha tiddeċiedi jekk kienx hemm biżżejjed provi biex jitpoġġew taħt kap ta’ akkuża u jibdew ġuri.

B’rabta ma’ dan il-każ kienu ġew arrestati l-aħwa George u Alfred Degiorgio, magħrufa bħala iċ-Ċiniż u l-Fulu rispettivament u Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu.

Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet f’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru li għadda.

More in Politika