Hekk kif dalgħodu fil-Qorti kompliet tinstema' l-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront tat-tliet imputati arrestati b'rabta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, ġie konkluż mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li hemm biżżejjed evidenza sabiex jgħaddu ġuri. Issa jkun imiss lil-Avukat Ġenerali sabiex biex jipproċedi l-każ.
Is-seduta tal-lum kienet stadju importanti fil-kumpilazzjoni għaliex l-Qorti riedet tiddeċiedi jekk l-imputati kienux se jitpoġġew taħt att ta' akkuża. Fl-istadji preċedenti l-Qorti kienet qed tevalwa l-provi miġbura sabiex tasal għad-deċiżjoni u jibda l-proċess tal-ġuri.
Intant, fix-xhieda tiegħu, Joseph Gerada mit-taqsima tas-CID tal-Pulizija, qal li waqt tfittxija fl-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, ġiet irmunkata Mercedes tat-tip C-Class. Gerada qal ukoll li l-Pulizija fittxet fid-dar ta 'Alfred Degiorgio fejn hemhekk dawn sabu €4,800 fi flus kontanti. Skond ix-xhieda tal-uffiċjal tal-Pulizija Saviour Scerri, fil-Mercedes nstabu wkoll 'pen-drive', GPS, 'internet key' u xi dokumenti. Iddeskriva kif saret tfittxija f'karozza Audi A4 ta' George Degiorgio.
Scerri, xehed ukoll li fis-17 ta' Ottubru l-aġenti tal-FBI waslu f'Malta u hu kien inkarigat biex jakkumpanjahom f'postijiet differenti fejn kienu jinsabu l-antenni tat-telekomunikazzjoni. Scerri qal li xi residenti kienu nnutaw karozza suspettuża li kienet qed tiġi pparkjata fil-Batterija tat-Tarġa fil-Bidnija.
Fix-xhieda tiegħu, l-ispettur Keith Arnaud ippreżenta CDs b'rekords telefoniċi tal-akkużati. Arnaud ippreżenta diversi ritratti li ntwerew lill-persuni suspettati waqt l-interrogazzjoni.
Ilbieraħ fill-Qorti ħarġu diversi dettalji xokkanti, fosthom kien żvelat li n-numru li wassal għall-isplużjoni tal-karozza kien ilu fl-istess post fil-Bidnija għal 12-il siegħa sħaħ u li dakinhar li Daphne Caruana Galizia nqatlet, il-karozza tħalliet barra minn Matthew għall-ebda raġuni, meta s-soltu kienet tkun iggaraxxjata.