L-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni Parlamentarti lill-Ispeaker Anġlu Farrugia sabiex l-art fiż-Żonqor f’Wied il-Għajn, li ngħatat lil Sadeen Investiment Limited biex tiżviluppaha f’kampus tal-Università Amerikana (AUM) tintradd lura.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-Oppożizzjoni trid li tiddiskuti mal-Gvern biex l-art ODZ li ingħatat lil Sadeen fl-2015 terġa’ tmur lura għand il-pubbliku hekk kif l-AUM mhix qed tattira n-numru ta’ student li kienet bassret.
Qal li mhux talli tnaqqsu l-miri tal-istudenti b’mod drastiku iżda tkeċċew ukoll il-ħaddiema u spjega kif ħames għaqdiet ambjentali qed isejħu bex l-art tingħata lura lin-nies.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Karol Aquilina qal li l-pajjiż kellu jagħmel investiment enormi biex il-proġett tal-università jkun jista’ jseħħ iżda l-miri dejjem qed jonqsu tant li huma biss 15 l-istudenti.
Aquilina qal li l-art hija ODZ u suppost li l-bini għandu jsir biss jekk dan jilħaq bżonn nazzjoni. Sostna li filwaqt li l-Oppożizzjoni hija favur li jkun hawn investimenti ġodda f’universitajiet f’pajjiżna, hija kontra li art pubblika tintuża għal skopijiet ta’ spekulazzjoni.
Preżenti għall-preżentazzjoni tal-mozzjoni kien hemm ukoll l-Assistent Whip tal-Partit Nazzjonalista Federick Azzopardi.
Il-Parlament jerġa’ jiltaqa’ fil-15 ta’ Jannar li ġej.