Il-ħaddiema nfurmati bil-‘bejgħ’ tal-isptarijiet minuti wara li tħabbar
- L-MUMN ma kinitx infurmata dwar bejgħ minn Vitals, sakemm l-aħbar spiċċat fuq il-midja
- Il-kirurgu Albert Fenech jgħid li s'issa ma Steward Healthcare diskussjonijiet hemm mhux bejgħ
- Il-Ministeru tas-Saħħa jaċċerta li kull ħaddiem se jinżamm u l-kundizzjonijiet se jibqgħu l-istess
minn Albert Gauci Cunningham
Minkejja rapporti li l-Gvern kien ilu tliet xhur li ġie infurmat b’diskussjonijiet biex Vitals Global Healthcare (VGH) tbiegħ l-isptarijiet, l-unjin li tirrapreżenta l-infermiera, il-Malta Union of Midwives and Nurses (MUMN) fl-ebda ħin ma kienet infurmata jew mgħarrfa dwar dan.
Mistoqsi minn din il-gazzetta, is-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea sostna li l-unjin inżammet fid-dlam dwar dan il-‘bejgħ’, sakemm fil-fatt l-aħbar ħarġet fil-midja.
“Aħna ma kellna xejn. La indikazzjoni u wisq anqas informazzjoni li l-Vitals Global Healthcare kienu se jbiegħu l-Isptar. M’aħniex kuntenti dwar il-fatt li ħadd ma infurmana,” stqarr Galea mal-ILLUM. “Konna nippretendu li nkunu infurmati, imqar b’diskussjonijiet fil-magħluq, dwar dak li kien se jseħħ speċjalment jekk hu veru li l-Gvern kien ilu tliet xhur jaf b’dak li kien se jiġri.”
Iktar minn hekk iżda, il-Kirurugu Albert Fenech, Membru tal-Bord tal-VGH, żvela mal-ILLUM kif kuntrarjament għal dak li seta’ nftiehem fl-istqarrija tal-Gvern, s’issa m’hemm ebda bejgħ u kollox għadu fi stadju ta’ diskussjonijiet.
Mal-ILLUM Colin Galea jispjega kif l-uffiċjali tal-MUMN irċevew messaġġ mingħand il-Ministru Chris Fearne, dakinhar stess li tħabbar il-ftehim u wara li l-aħbar kienet diġà fuq il-mezzi tax-xandir. “Niftakar li konna laqgħa l-Belt u l-Ministru bagħatilna messaġġ u qalilna biex immorru niltaqgħu miegħu b’mod urġenti, sa dak il-ħin l-aħbar kienet diġa ħarġet fil-midja.”
“Il-Ministru Fearne assigurana li mhu se jinbidel xejn mill-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u aħna għalina l-ewwel priorità, lil hinn minn kull kwistjoni oħra tibqa’ din.”
L-ILLUM għamlet kuntatt mal-Ministru Fearne u staqsiet, fost oħrajn, jekk il-kumpanija l-ġdida hux se tintrabat li żżomm l-ħaddiema tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, inkluż dawk li ddaħħlu matul il-perjodu li fih VGH kienet il-proprjetarja.
Fearne qal li “Steward Healthcare se żżomm il-ħaddiema kollha, kemm dawk li jaħdmu mas-settur pubbliku, kif ukoll dawk li kellhom kuntratt ma’ VGH. Il-ħaddiema kollha se jibqa’ jkollhom l-istess kundizzjonijiet u dan jgħodd ukoll għall-ħaddiema fl-isptar Karin Grech u l-isptar San Luqa.”
Intant minn telefonata li din il-gazzetta għamlet lill-Kirurgu Albert Fenech, li huwa membru fuq il-Bord tal-VGH u kif ukoll li se jkun qed imexxi sptar kirurġiku f’San Luqa, jirriżulta li fil-fatt dan il-‘bejgħ’ minn Vitals għal Steward Healthcare għadu mhu bejgħ xejn.
“Jiena assolutament qatt ma ġejt infurmat li sar xi bejgħ,” sostna Fenech. Mistoqsi kif bħala Membru tal-Bord tal-Vitals Global Healthcare ma jafx bil-ftehim li l-Gvern qal li ntlaħaq bejn il-kumpaniji, Fenech sostna li hu jaf biss dak li jafu l-impjegati ta’ VGH.
“Jien naf dak li jafu l-madwar 80 impjegat ieħor. Lilna qalulna u wegħduna illi s’issa qed isiru diskussjonijiet, not that it’s a done deal. Qatt ma ġie speċifikat lilna li dan huwa bejgħ.”
Nhar il-21 ta’ Diċembru, l-Gvern, permezz ta’ stqarrija kien indika li dak ta’ bejn Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare kien ftehim iffirmat. Fl-ebda punt fl-istqarrija ma kien preċiżat li dan kien ftehim biex jibdew diskussjonijiet formali dwar bejgħ u li allura għad m’hemm ebda qbil finali.
Dwar l-andament tax-xogħol, Fenech spjega kif f’San Luqa dan għaddej sew. “San Luqa ġie mneżża u mnaddaf u l-isptarijiet Karin Grech u dak ta’ Għawdex qed isirulhom bħal eżami biex ikun aċċertat li huma ta’ ċerta livell.”
Allura la l-affarijiet kienu mexjin tajjeb, kif qed jgħid, ma jħossux sorpriż Fenech li l-Vitals Global Healthcare trid tgħaddi dan il-proġett lil ħaddieħor?
Fenech, li kkonferma li għadu membru tal-Bord tal-VGH, jerġa jisħaq mal-ILLUM illi hu jaf biss dak li jafu l-impjegati, “jiena qatt ma kont involut f’dawn il-materji.”
Il-Gvern jinsisti li x-xogħol fuq il-kampus ta’ Barts ikun lest sas-sajf
Minkejja li x-xogħlijiet infrastrutturali f’Għawdex, fejn il-Vitals kienu intrabtu li jibnu kampus għall-iskola ta’ Barts, jidher li waqgħu lura l-Ministeru għas-Saħħa qed jinsisti li x-xogħol se jkun lest sas-sajf li ġej.
“F’taħditiet li diġà saru mal-Gvern u Barts, Steward Healthcare qablu li l-iskola medika fil-kampus tal-isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandha tkun lesta sas-sajf li ġej u tkun tista’ tibda tintuża mis-sena skolastika l-ġdida,” sostna Fearne ma’ din il-gazzetta.
Dak li suppost se jkun il-bejgħ ta’ dawn it-tliet sptarijiet qajjem ħafna mistoqsijiet, l-aktar marbutin mal-istruttura ta’ VGH u stejjer li kienu ppubblikati fl-aħħar sentejn dwarha.
Waħda mill-mistoqsijiet kienet dwar min huwa s-sid benefiċċjarju tal-kumpanija Bluestone li hija l-‘holding company’ ta’ Vitals. Il-Partit Nazzjonalista qed jistaqsi jekk il-VGH hix se tbiegħ minħabba d-Direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus, li qed tesiġi li kull sid ta’ kull kumpanija jew ‘trust’ irid jiddikjara min hu.
Il-ftehim li qed jingħad li ntlaħaq mill-Gvern kien iffirmat nhar il-21 ta’ Diċembru, ġurnata biss wara li d-Direttiva Ewropea daħlet kompletament fis-seħħ.