Fallew ftit wara li bdew; Spjega, pass, pass tas-saga tal-VGH

Ġew b’ħafna wegħdi u tamiet imma telqu taħt ħafna dellijiet, dubji u mistoqsijiet... Il-Vitals Global Healthcare f’Malta; mill-bejgħ sat-tluq ‘sorpriża’

L-aħbar li Vitals Global Healthcare mhix se tkun qed tesegwixxi l-proġett tat-tliet sptarijiet, jiġifieri dak ġenerali ta’ Għawdex, dak ta’ Karin Grech u l-isptar San Luqa jġib fi tmiemu era ta’ ftehim illi ġab miegħu kritika qawwija, mistoqsijiet, dubji u anke elenku ta’ akkużi u allegazzjonijiet.

Vitals magħżulin biex imexxu proġett ewlieni ta’ €200 miljun

Wara sejħa pubblika, nhar is-Sibt 27 ta’ Ġunju 2015 jitħabbar li Vitals Global Healtchare kienu ġew magħżulin bħala l-offerent il-favorit għal proġett fuq tliett sptarijiet pubbliċi. Il-Ministru Konrad Mizzi, dak iż-żmien responsabbli għas-Saħħa u Enerġija, kien wiegħed li l-proġett f’Għawdex se joħloq 650 impjieg permezz ta’ bini ta’ sptar b’150 sodda għat-turiżmu mediku u 125 sodda riżervati għall-istat biex jintużaw mill-pubbliku mingħajr ħlas. Apparti minn dan, il-proġett kellu jfisser 220 sodda privata fl-isptar San Luqa li kellu jibda jinbidel f’wieħed ta’ riabilitazzjoni. Karin Grech kellu jinbidel fi sptar pubbliku tal-ġerjatrija.

Il-Ministru Konrad Mizzi dak iż-żmien kien responsabbli mis-saħħa
Il-Ministru Konrad Mizzi dak iż-żmien kien responsabbli mis-saħħa

Vitals jingħataw l-Isptarijiet għal 30 sena

Sena wara, t-tliet sptarijiet kienu trasferiti lill-kumpanija Vitals Global Healthcare. Il-Gvern qabel li l-ħaddiema jibqgħu kollha fuq il-kotba tiegħu, li l-kumpanija tinvesti €220 miljun f’sentejn (sa din is-sena). Ram Tumuluri, wieħed mid-Diretturi u l-‘wiċċ’ wara dan il-proġett kien assigura li l-kumpanija kellha l-esperjenza meħtieġa fil-qasam u li se jkollha bħala sieħeb il-Walter Reed Medical Centre għas-servizzi ta’ riabilitazzjoni fl-isptar San Luqa.

Il-wiċċ tal-VGH Ram Tumuluri
Il-wiċċ tal-VGH Ram Tumuluri

Dubji serji dwar it-'track record' ta’ Tumuluri u ta’ Vitals

Minn ftit wara li tħabbar illi l-VGH kienu magħżulin bdew iqumu diversi mistoqsijiet dwar l-isfond mediku u t-'track record' tal-kumpanija u tal-wiċċ tagħha f’pajjiżna; Ram Tumuluri.  Fil-fatt il-kumpanija kienet kritikata għaliex għandha 'track record' fqir fl-isfera tas-saħħa.

Kienet il-gazzetta ILLUM l-ewwel li żvelat kif Ram Tumuluri, li kien qed jieħu ħsieb l-operat ta' VGH Global Healthcare f'pajjiżna, ma kellu ebda esperjenza fil-qasam tas-saħħa u wisq inqas esperjenza ta' suċċess fin-negozju. L-istess gazzetta kienet żvelat li l-uniku rekords taħt ismu kienu dawk relatati mal-kumpanija Ayurcare International li kienet ġiet xolta hekk kif ma kinitx konformi mal-liġi. Apparti dan, kienet żvelat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd 8 ta' Novembru 2015, Tumuluri kien ddikjara l-kumpanija T&V Hospitality, parti minn struttura li kienet qed tmexxi l-lukanda Nita lake Lodge fil-Kanada, falluta bil-konsegwenza li ma kienx baqa' Direttur Maniġerjali tal-istess Lukanda. Tumuluri kien dejjem ċaħad li hu mexxa kumpanija li falliet u kien sostna illi l-kumpanija kellha biss l-assi trasferiti.

Minn Nikita lake Lodge fil-Kanada għal Għawdex

Nhar is-16 ta’ Marzu 2010, Nikita Lake Lodge , lukanda fil-Kanada, waqgħet taħt maniġment ġdid. Artiklu fuq is-sit ta’ lukandi ‘Hotel Interactive’ irrapporta hekk; ‘Managing Director, Ram Tumuluri, will head the take-over team and lead the day-to-day operations for the hotel. Tumuluri’s extensive background in luxury hotel management includes a post-graduate degree in Business Management from Birmingham University in the UK, and a Culinary Arts degree from Osmania University in India.'

L-ILLUM għandha f’idejha deċiżjoni mill-Qorti Suprema tal-British Columbia illi tagħmel referenza għal Tumuluri bħala President u Direttur ta’ T&V Inc. Din il-kumpanija, skont is-sentenza kienet qed timmaniġġja l-pixxina tal-lukanda Nikita Lake Lodge, kif ukoll kienu qed jikru s-sezzjoni kummerċjali u tal-lukandi ta’ NLL Holdings. T&V kellha, skont id-deċiżjoni tal-Qorti, tipprovdi lista ta’ affarijiet lis-sidien fosthom il-kontijiet awditjati. Imma dan ma sarx.

Artiklu 60 tad-deċiżjoni tal-Qorti tgħid hekk; ‘Il-kumpanija poġġiet lis-sidien kollha f’riskju sever. Qed nifrreferi għal fatt li T&V...ħassru r-rekords tal-kontijiet u ħadu depożiti mill-karti ta’ kreditu mill-‘bookings’ tal-Milied...'

Sena wara din is-sentenza, fl-2015, Vitals rebħu l-kuntratt u Tumuluri ħa pożizzjoni prinċipali fil-proġett f’Għawdex.

F’kummenti mal-midja nhar il-4 ta’ Novembru 2016, Tumuluri kien saħaq li hu mhux il-VGH. Kien sostna wkoll li wara l-kumpanija hemm numru ta’ nies, fosthom bord mediku illi fih hemm il-Kirurgu u eksDeputat Nazzjonalista Albert Fenech.

Mark Edward Pawley qal li huwa l-UBO ta' Bluestone
Mark Edward Pawley qal li huwa l-UBO ta' Bluestone

'Ultimate Beneficiary Owner'; Pawley jew le?

'Ultimate Beneficiary Owner' (UBO) tirreferi għal dik il-persuna li hija s-sid jew li tikkontrolla klijent/persuna f’isem min tkun qed issir tranżazzjoni. Dan ifisser illi tranżazzjoni tkun tidher f’isem persuna ‘X’, pero ‘X’  tkun ikkontrollata minn ‘Y’. ‘Y’ huwa l-'ultimate beneficiary owner'.

L-istruttura tal-kumpanija li kienet se tmexxi tliet sptarijet Maltin, ġiet taħt skrutinju iebes minn bosta, mhux l-inqas mill-ġurnalista u 'blogger' Daphne Caruana Galizia.

Is-sid ta’ Vitals Healthcare hija Oxley Capital PTE Limited (Group), kumpanija rreġistrata f’Singapor. Vitals hija l-kumpanija maġġuri. Oxley għandha sehem fil-kumpanija Bluestone. Bluestone hija magħrufa aħjar bħala Bluestone Special Situation 4 Limited u għandha bħala Diretturi lil Mark Edward Pawley u lil Ram Tumuluri.

Bluestone hija l-'holding company' ta’ Vitals. Holding Company hija kumpanija li tikkontrolla kumpanija oħra, f’termini ta’ policies u maniġment.

Bluestone Investments Malta għandha bħala Diretturi lil Ram Tumuluri u lil Mark Edward Pawley u għandha 'shareholder' wieħed, li fl-informazzjoni pubblika dwar il-kumpanija huwa anonimu. L-indirizz ta’ dan l-‘anonimu’ huwa ‘PO Box 97, Offshore Incorporations Centre, Road Town, Tortola, British Virgin islands.’

Huwa dan il-qofol ta’ ħafna mid-diskussjoni li nqalgħet. Min huwa dan l-anonimu? Rum Tumuluri u anke l-Vitals stqarrew li l-benefiċċjarju huwa Pawley.

Fl-informazzjoni pubblika l-uniku shareholder huwa anonimu, mill-British Virgin islands
Fl-informazzjoni pubblika l-uniku shareholder huwa anonimu, mill-British Virgin islands

L-UE b’leġiżlazzjoni ġdida dwar sidien ta’ kumpaniji

It-termini reveduti tar-raba' direttiva Ewropea kontra l-ħasil tal-flus (AMLD4) se tinkludi, fost ir-rekwiżiti, l-bżonn li kumpaniji jikxfu is-sidien benefiċjarji (ultimate beneficiary owners) u veri tagħhom f'reġistru pubbliku. L-istess direttiva qed tinsisti li l-informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta' 'trusts' tkun f'idejn l-awtoritajiet tal-infurzar u tat-taxxa tal-pajjiż, kif ukoll ta' setturi li għandhom l-obbligu li jsegwu regoli relatati mal-ħasil tal-flus. Fil-każ ta' Malta dan ikun ifisser li l-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) ikollha l-aċċess ta' kull sid u benefiċjarju ta' kumpanija u/ jew 'trust'.

Il-Partit Nazzjonalista staqsa jekk il-bejgħ sarx issa, minħabba din id-direttiva partikolari. L-implikazzjoni hija li l-PN għandu dubji dwar min huwa l-'ultimate beneficial owner' tal-Bluestone, jiġifieri jekk hux vera li huwa Pawley.

John Dalli għamel żmien konsulent tal-Prim Ministru
John Dalli għamel żmien konsulent tal-Prim Ministru

Entreè John Dalli....

Daphne Caruana Galizia fl-aħħar jum ta’ Mejju 2016 tippublika dak li tgħid illi huwa t-test ta’ rapport ‘due diligence’.  F’dan ir-rapport, apparti li jingħad illi Tumuluri kellu ‘rabtiet mill-qrib ma’ uffiċjali għoljin Maltin’, jgħid ukoll li l-proġett kien inbeda wara li ‘eksMinistru Malti’ kien tela’ Dubaj. L-artiklu (li suppost huwa r-rapport) jgħid illi dan l-eksMinistru kien il-moħħ wara ‘pjan ta’ azzjoni li waslet biex il-konsorzju rebaħ.’  Caruana Galizia kienet qalet illi dan huwa ‘bl-aktar mod ċar John Dalli li dak iż-żmien kien qed jagħti pariri speċjali lill-Prim Ministru dwar il-qasam tas-saħħa u l-isptarijiet.’

Dalli ċaħad din l-allegazzjoni bil-qawwa kollha u kien qal mal-Malta Independent li din kienet gidba. “Din hija kollha gidba u kienet ivvintata. Din hija persekuzzjoni li ilha ġejja minn Daphne Caruana Galizia, li qisha terrorista.”

Il-Kap Eżekuttiv ta' Vitals Armin Ernst
Il-Kap Eżekuttiv ta' Vitals Armin Ernst

Uffiċjali għolja ta’ VGH jirreżenjaw

Apparti l-mistoqsijiet dwar kif inhi strutturata l-kumpanija u l-esperjenza, il-Vitals Global Healthcare bejn l-2015 u l-2016 iffaċċjat żewġ riżenji tal-ogħla żewġ uffiċjali. Il-Kap Eżekuttiv Armin Ernst u l-Kap tal-Operazzjonijiet Eric Buehrens ma baqgħux fit-tmexxija ta’ VGH, xi ħaġa li ma kinitx pubblika sakemm kienet żvelata fuq il-gazzetta The Sunday Times nhar it-8 ta’ Ottubru li għadda.

Il-kumpanija kienet qalet li Ernst kellu jitlaq minħabba problemi personali filwaqt li Buehrens kellu kuntratt għal ftit żmien biss.

DCG kitbet dwar il-kuntratt tal-Vitals
DCG kitbet dwar il-kuntratt tal-Vitals

Ippublika...ippublika...ippublika...

Intant il-kuntratt ma’ VGH ġie taħt kritika qawwija mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li għal bosta drabi sejħet għall-publikazzjoni tal-kuntratt.

Meta eventwalment kien ippublikat, partijiet minnu kienu ċċensurati. Fil-fatt mill-Health Services Delivery Agreement kienu iċċensurati paġni 125 sa paġna 147, total ta 22 paġna. Dan apparti li kienu ċċensurati dettalji bħal ċifri relatati ma kemm pazjenti użaw l-isptar t’Għawdex kif ukoll rata minima ta’ ħlas għal operazzjonijiet.

Il-Key Performance Indicators, jiġifieri l-miżura li bihom se jkun mkejjel is-suċċess ta’ VGH ukoll kienu iċċensurati minn dan il-kuntratt.

Mis-Services Concession ġew iċċensurati paġni 95 sa 123, jew total ta’ 28 paġna.

Il-Gvern dejjem sostna li l-partijiet tar-rapport li kienu ċċensurati kienu ta’ natura kummerċjali sensittiva. Sostna li dan il-Gvern jippublika l-kuntratti, b’differenza minn dak preċedenti li kien saħansitra intrabat li ma jippublikax kuntratti ta’ privatizzazzjonijiet differenti.

Intant il-Ministru Chris Fearne u l-Membri tal-Gvern fil-Kumitat tal-Kontijiet pubbliċi kienu talbu lill-Awditur Ġenerali biex jiskrutinizza l-kuntratti bejn il-Gvern u l-VGH. L-Awditur kellu jinvestiga jekk dan il-kuntratt jirrapeżentax valur tajjeb għall-flus u jekk dak li kienu ntrabtu li jagħmlu l-VGH kienx jikkostitwixxi titjib fis-servizz.

Il-Bank Pilatus u Asad Shukat

F’Mejju tal-2017 storja oħra tirrokka sew lil Vitals hekk kif il-gazzetta The Times tirraporta illi Asad Shukat Ali, li ġieli kien ingaġġat mal-Vitals għal konsulenzi, kien fetaħ kont fil-Bank Pilatus fejn  beda jirċievi ‘eluf ta’ ewro’.

Ir-rapport jgħid li Ali kellu ishma fil-kumpanija Cross Range Holdings Ltd. Li għandha ishma fi Bluestone Investment Malta Ltd, li hija l-holding company ta’ Vitals u li l-ultimate beneficial owner mhux imniżżel fl-informazzjoni pubblika tal-kumpanija.

VGH ċaħdu li l-kumpanija għandha rabtiet mal-Bank Pilatus u Ali qal li hu qatt ma kellu kontijiet. Kienet il-kumpanija Planetcore Malta li tagħha kien Kap Eżekuttiv li għandha kont fil-bank Pilatus.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne

Ix-xogħol jaqa’ lura u Vitals ibiegħu

Filwaqt li l-preparamenti għadhom għaddejjin, ix-xogħol infrastrutturali jidher illi waqa’ lura sew fuq il-proġetti, bi ftit li xejn ċaqlieq fl-Isptar San Luqa.

L-aħħar kapitlu ta’ Vitals f’Malta ġie proprju fil-21 ta’ Diċembru, ftit qabel il-Milied.  Mingħajr ħadd ma kien qed jistenna, Vitals iffirmaw kuntratt ma’ Steward Healthcare u allura irrinunzjaw mill-ftehim li kellhom mal-Gvern.

Il-kuntratt bejn il-Vitals u l-Ministru Konrad Mizzi f’isem il-Gvern kien jistipola bl-aktar mod ċar li Vitals kellhom dejjem jinfurmaw u jgħarrfu lill-Gvern bit-terminazzjoni, li minn naħa tiegħu kellu d-dritt li jieħu l-art u l-proprjetà lura f’idejh.

Il-Ħadd li għadda kien żvelat fuq is-Sunday Times li t-tagħmir kollu tal-Isptarijiet inbiegħ b’€1 biss.

Il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal hekk dwar dan il-bejgħ minn Vitals lil Steward Health; ‘We now have additional comfort that government’s partner [Steward] in the PPP has a strong track record in healthcare… This is the real thing’

Jiġifieri ta’ Vitals ma kienx the ‘real thing’?

More in Politika