Din il-gazzetta tinsab infurmata li t-tmexxija tal-iskola ta’ Barts tinsab urtata u anke mħassba dwar l-aħħar żviluppi fil-proġett tat-tliet sptarijiet, li jinkorpora l-bini minn fejn Barts suppost se jkunu qed joperaw.
Apparti mill-wegħda ta’ bejgħ ‘bla mistenni’ tal-isptarijiet, din il-gazzetta tinsab infurmata li l-aktar li qed idejjaq lil din l-iskola huwa d-dewmien biex jitlesta l-bini minn fejn suppost se tibda topera Barts.
Meta l-VGH ingħatawlhom dawn il-proprjetajiet pubbliċi għal 30 sena kien imħabbar illi l-Isptar t’Għawdex mibni mill-ġdid kellu jiftaħ il-bibien erba’ xhur ilu, f’Settembru 2017. Minkejja dan, s’issa għadu sar biss xogħol skavar.
Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu illi sa din il-ġimgħa stess kien hemm diversi komunikati u lagħqat bejn il-Gvern u Barts, dwar l-andament tal-proġett.
Mistoqsijiet li ntbagħtu lill-iskola ta’ Barts f’Londra baqgħu ma kinux mwieġba, anke jekk intbagħtu ġimgħa u nofs ilu. Din il-gazzetta għamlet kuntatt telefoniku mal-iskola qabel bagħtet il-mistoqsijiet u irċeviet risposta awtomatika li l-mistoqsijiet kienu waslu.
L-ILLUM staqsiet lil Barts jekk jikkonfermawx il-fatt li jinsabu urtati dwar id-dewmien li jidher li hemm fil-proġett u t-tieni jekk kinux infurmati dwar diskussjonijiet biex Vitals Global Healthcare tbigħ l-isptar ta’ Għawdex lil Steward Heathcare. Din il-gazzetta staqsiet ukoll lil Barts biex tispeċifika jekk hemmx xi ħaġa mill-ftehim bejn il-VGH u l-Gvern li jista’ jinbidel permezz ta’ dan il-bejgħ.
Rigward l-istudenti li bdew kors din is-sena, l-ILLUM staqsiet jekk hux vera li dawn it-42 student humiex kollha, jew kważi kollha, qed isegwu ‘scholarships’ mogħtijin mill-Gvern.
L-iskola ta’ Barts kienet kostretta illi topera mill-Binja tas-Sixth Form Sir M.A Refalo fir-Rabat Għawdex biex tkun tista’ tibda toffri l-korsijiet f’Malta.
Meta kien iffirmat il-ftehim ma’ Barts, li huwa kompletament indipendenti minn dak ma’ Vitals, kien intqal li Barts se tiftaħ fl-2016, se jkollha 300 student u li se jkunu aċċettati 60 student għal kull semestru.
Nhar il-21 ta’ Diċembru kien imħabbar ftehim, li wara rriżulta illi kien wieħed li jippermetti illi jibdew diskussjonijiet u negozjati dwar bejgħ ta’ tliet sptarijiet minn VGH.
Il-Ħadd li għadda din il-gazzetta żvelat kif l-MUMN ma kinitx ikkonsultata u lanqas infurmata dwar diskussjonijiet ta’ bejgħ, anke jekk rapporti mhux miċħudin jgħidu illi l-Gvern kien ilu jaf b’dan il-“bejgħ” tliet xhur qabel tħabbar.
L-Assoċjazzjoni Medika Matlija, talbet biex il-ftehim bejn il-VGH u Steward Healthcare ikun pospost sakemm tkun konkluża l-investigazzjoni tal-Awditur fil-bejgħ tal-isptarijiet. Is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan qal li l-ftehim mal-VGH huwa wieħed ‘dubjuż’ u ‘jinten’.