Aġġornata (2) | Jirriżenjaw tliet membri tal-Kunsill tal-MUT
Numru ta' għalliema mhumiex konvinti mill-ftehim settorjali bejn l-MUT u l-Ministeru għall-Edukazzjoni
More in Politika
Numru ta' għalliema mhumiex konvinti mill-ftehim settorjali bejn l-MUT u l-Ministeru għall-Edukazzjoni
L-ILLUM hija infurmata li George Debono, Rita Catania u David Rossi rriżenjaw minn membri tal-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT), liema riżenji ġew aċċettati mill-unjin.
Numru ta’ għalliema li tkellmu mal-ILLUM esprimew rabja u qalu li filwaqt li l-paga se tiżdied b’inqas milli kienu mġegħlin jemmnu, l-ammont ta’ xogħol se jkun qed jiżdied sew.
Jidher li l-edukaturi baqgħu sorpriżi hekk kif skoprew li mill-ftehim settorjali, iż-żieda se tasal sa 12% fuq medda ta’ ħames snin. Dan meta kien mifhum li ż-żieda kienet se tammonta għal 28% matul l-istess perjodu.
L-MUT qed issostni li s-seba’ gradi msemmija fil-ftehim settorjali se jaraw żieda fis-salarju l-‘allowances’, b’medja ta’ 28% jew aktar sas-sena 2022. Il-unjin issostni li dan huwa ftehim settorjali li jibni fuq il-ftehim kollettiv u li ż-żieda tinkludi iż-żieda annwali tal-ftehim kollettiv.
L-MUT qalet li dan ġie spjegat matul il-proċess kollu tal-konsultazzjoni kif inhi prattika normali f’kull ftehim settorjali.
Ingħata l-eżempju li għalliem fi skala 8 fl-2017 qabel il-ftehim settorjali li kien kellu total ta’ salarju u ‘allowance’ li jammontaw għal €21,926, fl-2022 is-salarju u l-‘allowance’ se jammontaw għal €28,145 jew żieda ta’ 28.36%.
F’ittra li l-ogħla uffiċjali tal-MUT bagħtu lill-membri kollha tagħha, u li l-ILLUM għandha kopja tagħha, intqal li l-unjin se tkun qed tikteb lit-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali (RIU) fejn se titlob għall-ftehimiet settorjali kollha li ġew iffirmati matul dawn l-aħħar snin.
Il-unjin qalet li tinsab urtata li qed tidher li qed iżżomm is-segretezza meta ntqalilha sabiex tippubblikax id-dokument onlajn, biex dan jiġi pubblikat mill-RIU u l-Ministeru għall-Edukazzjoni. Din it-talba qed issir sabiex il-membri tal-unjin ikollhom aċċess għall-ftehimiet kollha.
Fl-ittra ntqal li kull grad se jilħaq il-25% jew aktar sas-sena 2022, bid-differenza relattiva għal kull settur se tibqa’ l-istess f’dan il-ftehim bħalma kien fl-aħħar ftehim. Fir-rigward l-LSEs (Learning Support Assistants) u l-KGEs (Kindergarten Assistants), l-MUT ssostni fl-ittra li l-Gvern qabel li jipprovdi skala 9 b’degree u għalhekk din hija r-raġuni għalfejn il-unjin kellha tirrispetta l-klawsola.
L-MUT tagħmel referenza wkoll għall-mistoqsijiet li waslulha mill-membri li l-‘allowances’ mhux applikabbli għall-pensjoni.
Il-Unjin, filwaqt li kkonfermat dan, qalet li fi ftehim settorjali jiġu nnegozjati biss l-‘allowances’ u mhux is-salarju bażiku. Intqal li fil-maġġorparti tal-gradi, is-salarju bażiku huwa biżżejjed għall-‘capping’ tal-pensjoni u għalhekk li kieku l-‘allowances’ kienu parti mis-salarju ma kienx ikun hemm differenzi fil-pensjoni.
L-ittra kienet iffirmata mill-President Marco Bonnici, is-Senior Vice President Norman Grech, il-Viċi President Elaine Germani u s-Segretarju Ġenerali Carmen Dimech.
Il-ftehim settorjali l-ġdid li daħal fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar, se jintemm fl-2022 u ġie ffirmat ix-xahar li għadda. Dan ikopri gradi differenti tal-edukaturi mill-għalliema sat-tmexxija tal-iskejjel.
F’Novembru li għadda, l-edukaturi kienu se jistrajkjaw minħabba dak li f’dak iż-żmien kien nuqqas ta’ progress għall-ftehim ġdid. L-istrajk kien ġie revokat wara li l-MUT u l-Gvern kienu qalu li waslu għal qbil.
Fil-preżent tinsab għaddejja wkoll petizzjoni onlajn li tgħid li l-edukaturi ġew imqarrqa li se jaraw żieda ta’ 14% fl-ewwel sena tal-ftehim u li ż-żieda mhix se tkun qed tirrifletti x-xogħol li huwa mitlub li jagħmlu.