Maria Efimova: Il-bomba tal-ħin li ma trid tisplodi qatt
Ħadd ma kien jafha u issa sar jafha kulħadd. Min jgħid li hija vittma ta’ ‘Gvern korrott’ u min jgħid li hija ‘giddieba’ u ‘frodista’. L-istorja kkulurita tal-‘whistleblower’ Russa s’issa...

minn Albert Gauci Cunningham
Maria Efimova. Isem Russu illi ftit li xejn qatt kien instema’ sa sentejn ilu u li fl-aħħar sena spiċċa f’titli ta’ gazzetti, kważi daqs l-aktar politiku jew personaġġ popolari. Id-diskussjonijiet jibqgħu għaddejjin, l-aġġettivi jibqgħu għaddejjin u l-ikbar mistosqsija tibqa’ dejjem; Din il-mara, misterjuża għal ħafna Maltin li teżisti fl-immaġinazzjoni kollettiva, kellha informazzjoni korretta dwar Michelle Muscat? Hija verament il-mara li kixfet l-akbar skandlu u gidba fl-istorja politika jew hija l-akbar giddieba li ġiet użata jew użat, biex ikunu ppuntati s-swaba’ lejn Muscat dwar Egrant Inc?
Il-kuntest huwa neċessarju biex wieħed jibda, forsi, jasal għal xi forma ta’ ħsieb dwar din il-mara, li temgħet ħafna l-immaġinazzjoni politika, ta’ poplu politiku u li l-aħħar kapitlu tal-istorja tagħha għad irid jinkiteb.
L-ILLUM tat ħarsa lejn l-istorja wara Efimova u l-istorja ‘Egrant’ minn meta kienet żvelata sal-lum.
Tfaqqa’ l-istorja...
Kollox beda nhar l-20 ta’ April. Wara jiem ta’ stennija u preparazzjoni dwar l-istorja b’bosta jistaqsu ta’ min hija Egrant, Daphne Caruana Galizia tikteb artiklu fuq il-blogg tagħha illi fih tallega li 1) - Fil-kċina tal-Bank Pilatus hemm ‘safe’ b’dokumenti ta’ segretezza assoluta u li fih hemm dokumenti li juru illi Egrant hija ta’ Michelle Muscat. 2) - Hija tallega wkoll illi minn dan il-kont għaddew $1 miljun, allegatament minn kont ta’ bint il-President tal-Ażerbajġan.
F’intervista li kienet għamlet mal-Malta Independent aktar tard, Efimova allegat illi ċerta Dr. Sant Fournier kienet tatha ċ-ċwievet ta’ dan is-‘safe’ f’ġurnata impenjattiva ħafna. Hija allegat illi s-‘safe’ ma kienx baqa’ fl-uffiċċju tal-Kap Eżekuttiv tal-Bank Pilatus Hamidreza Ghanbari u tpoġġa fil-kċina fejn hi qalet li ma kienx hemm CCTV cameras.
Qalet illi tat ħarsa lejn id-dokumenti u fejn kien hemm id-dokument dwar Egrant, allegat illi rat il-kunjom ‘Muscat’. Hija tgħid li dan ġara qabel ma kienu żvelati l-Panama Papers.
‘Għandi whistlebower’... imma min hi?
L-istorja titfa’ lill-pajjiż kollu f’nofs urugan politiku. Il-Prim Ministru jiddeskrivi din bħala “l-akbar gidba fl-istorja politika Maltija”. Il-PN isejjaħ għar-riżenja tal-Prim Ministru u saħansitra jitilgħu strixxuni illi juru lill-Prim Ministru arrestat, wara l-ħadid tal-ħabs.
Tlett ijiem wara biss Daphne Caruana Galizia tkun irrappurtata fuq is-Sunday Times tgħid illi għandha whistleblower u dokumenti li juru illi Egrant Inc. hija ta’ Muscat. Sa dakinhar, ħadd ma kien jaf eżatt min hija din il-whistleblower.

Titla’ tixhed quddiem il-Maġistrat
Waqt li l-pajjiż kompla għaddej b’dibattitu jaħraq fost botti, risposti u dimostrazzjonijiet fit-toroq tal-Belt Valletta mill-Partit Nazzjonalista, nhar it-28 ta’ April 2015 Daphne Caruana Galizia, fi blogg ieħor qalet illi din il-whistleblower (li sa dakinhar ħadd ma kien jaf wisq dwarha) kienet telgħet tixhed quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.
Dan wara li Muscat talab illi tibda Inkjesta Maġisterjali fl-allegazzjonijiet li warajhom hemm Efimova.
Caruana Galizia żvelat ukoll iżda li din kienet eks impjegata tal-Bank Pilatus u li damet quddiem il-Maġistrat Bugeja tliet sigħat. Hija qalet ukoll li kienet qed tikteb il-blogg bil-permess tagħha.

Nibdew insiru nafu min hija l-mara...
L-għada, it-28 ta’ April, is-sit illum.com.mt żvela kif quddiem il-Maġistrat il-‘whistleblower’ ma ressqet ebda dokumenti jew fatt dokumentat li juri illi Egrant hija ta’ Muscat. Is-sit jiżvela wkoll li din il-mara kienet tkeċċiet mill-Bank f’Marzu 2016 u qed tiġi mfittxija talli użat fondi mill-bank għal skopijiet privati. Kien żvelat ukoll kif kienet diġà ġiet investigata mill-pulizija u kienet il-Qorti akkużata bi frodi u rapporti foloz.
Min-naħa tagħha, Efimova dejjem sostniet illi hi qatt ma tħallset ta’ internship li kienet għamlet mal-Bank Pilatus. Il-Bank ċaħad u sostna illi din kienet allegazzjoni ‘falza’.
Il-Bank akkużaha wkoll u allega illi fi proċess ta’ ‘booking’ tal-lukanda fil-Ġermanja hi bbukkjat kamra addizzjonali għaliha u tellgħet lill-familja għall-ispejjeż tal-bank.
Kien żvelat ukoll kif il-mara kienet biddlet l-avukat tagħha u sussegwentement beda jidher għaliha avukat mill-uffiċċju ta’ Ann Fenech.
Caruana Galizia tispjega f’isem Efimova...
L-għada, Caruana Galizia tgħid li mhu veru xejn illi Efimova wettqet reat ta’ frodi. F’artiklu fil-blogg tagħha tispjega kif ‘Mrs. X’ (għax sa dak iż-żmien ma kienx magħruf isimha), ħadmet fil-Bank Pilatus għal tliet xhur u qatt ma tħallset, anke jekk kienet imwiegħda illi l-paga se tirċeviha fil-posta. Caruana Galizia spjegat kif għamlet rapport lill-awtoritajiet kompetenti.
“Malli l-Bank sar jaf bir-rapport, huma (il-Bank Pilatus) mill-ewwel fetħu rapport b’ritaljazzjoni kontriha u akkużawha li kienet qed tuża l-flus tal-bank biex issiefer mal-familja... żammewha f’ċella minn filgħodu sa filgħaxija u l-uffiċjal li kien qed jinterrogaha beda repettutament jgħidilha ‘għamiltha. Ammetti. Għamiltha.’ Hi rrispondiet “għamilt xiex? Kif nista’ nammetti għal xi ħaġa li jien m’għamiltx... f’Ottubru li għadda ommha mietet u l-Pulizija ma tawhiex il-permess li tmur id-dar biex tara lil ommha tindifen.”
Hekk kitbet Daphne Caruana Galizia fi blogg nhar id-29 ta’ April 2017. Hija tispiċċa l-blogg tgħid; “Daqshekk hija ħażina l-affari. Din hija l-gravità tal-abbuż li qed niffaċċjaw.”
Daphne tixkef ‘transcript’... Muscat jgħid li huwa falz
Nhar il-21 ta’ April 2017 Daphne Caruana Galizia tippubblika dak li qed tgħid illi huwa t-traskrizzjoni tad-dokument illi allegatament juru illi Egrant inc. hija ta’ Muscat.
Fuq il-programm Xarabank il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi Egrant ma jistax ikollha indirizz Malti, kif hemm fit-traskrizzjoni li ppubblikat Caruana Galizia. Muscat qal illi d-data tad-‘declaration of trusts’ (2015) ma taqbilx maċ-ċertifikat li juri illi “Brian Tonna kien xtara l-kumpanija Egrant fl-2013.”
Iktar tard il-PN qal illi l-indirizz Malti fuq it-traskrizzjoni fil-fatt huwa tan-Nexia BT, jiġifieri l-kumpanija li allegatament fetħet Egrant Inc.
Taħrab mill-pajjiż...
Iktar tard, nhar it-3 ta’ Awwissu 2017, ikun irrapportat li Maria Efimova ma baqgħetx Malta. Il-Maġistrat Joe Mifsud poġġieha fuq il-lista ta’ persuni ‘wanted’ b’rapporti jgħidu illi l-aħħar kuntatt li kellu l-avukat tagħha kien f’Ġunju 2017, ix-xahar illi matulu saret elezzjoni ġenerali li tat lill-Partit Laburista rebħa kbira oħra.
Wara mandat ta’ arrest nhar il-21 ta’ Lulju, il-Pulizija marru fil-post fejn kienet tgħix u sabu li kollox kien imbattal. Jirriżulta, skont informazzjoni mill-Jobs+ illi hija kellha l-impjieg itterminat nhar is-27 ta’ Ġunju.
Sid il-post li kienet qed tikri Efimova qal illi kienet ħallietlu biss email li fiha qalet illi kellha titlaq mill-pajjiż minħabba s-sitwazzjoni li tinsab fiha.
Il-Partit Nazzjonalista talab li Efimova tingħata status ta’ whistleblower.

‘Jekk jogħġbok, Joseph Muscat...’
Tmient ijiem wara Daphne Caruana Galizia tippubblika email li allegatament intbagħtet lill-Prim Ministru Joseph Muscat. Din l-email kienet tgħid illi Muscat ma kellux għalfejn iqabbad investigatur (detective) f’Moska biex jiċċekkja ommha hux vera mietet. Hija allegat ukoll illi numru ta’ nies suspettużi kienu qed jintimidaw lill-missierha.

Tmut Daphne Caruana Galizia...
Nhar is-16 ta’ Ottubru tinqatel Daphne Caruana Galizia, permezz ta’ karozza bomba. Dan il-qtil jixxokkja lill-pajjiż u jqajjem diskussjoni taħraq dwar is-saltna tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni, is-sigurtà u anke jerġa’ jirxoxta bosta mill-każi li qajmet Caruana Galizia, fosthom ovvjament dak konness ma’ Efimova.

Tgħid li jekk tiġi Malta tinqatel
Kważi xahar wara l-qtil ta’ Caruana Galizia, Efimova tkun intervistata mit-Times ta’ Londra. Hija ssostni illi telqet minn Malta għax beżgħet għal ħajjitha. Aktar minn hekk hija allegat, liema allegazzjoni għamlet it-titlu tal-istess gazzetta ewlenija Ingliża, illi jekk terġa’ tiġi Malta hi tinqatel.
Hi qalet ukoll li kienet wissiet lil Daphne Caruana Galizia biex tagħmel l-istess u titlaq għax kemm iddum Malta, anke ħajjitha tinsab fil-periklu.
Titkellem mal-MEPs li ġew Malta
F’Diċembru delegazzjoni ta’ Membri Parlamentari Ewropej ġiet Malta biex tistħarreġ aktar dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Din id-delegazzjoni kellha tipprepara rapport dwar pajjiżna.
Jirriżulta li bħala parti mill-preparamenti għal dan ir-rapport dawn l-istess MEPs, fosthom il-Malti David Casa u l-Portugiża u Soċjalista Ana Gomes, kienu tkellmu ma’ Efimova permezz ta’ video conference.
Il-gazzetta ILLUM permezz ta’ intervista ma’ Gomes kienet żvelat illi, minkejja rapporti l-kuntrarju, Efimova m’għaddietx dokumenti lil dawn il-Membri Parlamentari Ewropej.
Gomes qalet ukoll iżda li dawn l-MEPs jinsabu ferm imħassbin għas-sigurtà ta’ Efimova u żvelat illi sar kuntatt mal-awtoritajiet tal-pajjiż fejn tinsab biex tkun aċċertata s-sigurtà taggħa u tal-familja tagħha...
Intant r-rapport finalizzat ta’ dawn l-MEPs reġa’ qajjem diskussjoni hekk kif l-istess rapport jikkwota lil Efimova tindika li hija ma kinitx is-sors oriġinali tal-istejjer li ħarġet Daphne Caruana Galizia .
Dan qajjem bosta mistoqsijiet hekk kif s’issa kien kważi fatt aċċettat u dejjem irrapportat li Efimova kienet il-mara wara dawn l-allegazzjonijiet.

Titlob għall-ażil u jriduha arrestata f’Ċipru...
U finalment din il-ġimgħa kien żvelat fuq gazzetta Ċiprijotta illi ditta legali mill-istess pajjiż qed titlob lill-pajjiż biex Efimova tkun arrestata u dan wara li qed jakkużawha illi erba’ snin ilu serqet mill-istess post tax-xogħol.
Il-Pulizija qalu li damu biex ħarġu l-mandat t’arrest internazzjonali minħabba li l-investigazzjonijiet damu għaddejjin.
Intant l-istess gazzetta Ċiprijotta żvelat kif Efimova qed titlob ażil politiku.
Indħil politiku mir-Russja
Finalment f’nofs kampanja elettorali artiklu fuq is-sit intelligenceonline.com, allega illi Efimova kienet parti minn logħba minn Putin biex jiddistabbilizza l-Gvern Malti. Dan minħabba li ma konniex tajna permess lis-sottomarini Russi biex jidħlu fil-baħar Malti u jingħataw il-fjuwil huma u sejrin is-Sirja.
Naturalment l-aħbar kienet milqugħa b’ammont mhux żgħir ta’ ċiniżmu.
Il-kapitlu finali ta’ Efimova għad irid jinkiteb... li huwa ċert hu li xi ħadd qed jigdeb. Xi ħadd qed jaħbi jew jinħeba. U l-mannara se taqa’ fuq għonq xi ħadd. Issa naraw...

