Mal-allegazzjoni 'Egrant' Pilatus riedu jfajjru SLAPP miljunarja kontra Caruana Galizia

... Daphne Caruana Galizia lanqas biss kienet taf b'din il-kawża, li waqgħet l-għada li kienet assasinata

Daphne Caruana Galizia
Daphne Caruana Galizia

Ftit wara li ppublikat l-allegazzjoni dwar Egrant Inc. jiġifieri li din il-kumpanija hija ta' Michelle Muscat u li, allegatament, għaddew minn dan il-kont $1 miljun minn kont tat-tifla tal-President tal-Ażerbajġan, il-Bank Pilatus beda proċeduri kontra Daphne Caruana Galizia, fl-Istati Uniti. Ali Sadr Hasheminejad kien fetaħ proċeduri kontra Caruana Galizia nhar it-8 ta' Mejju, fil-Qorti Superjuri ta' Maricopa County, fl-istat tal-Arizona. 

F'artiklu ippublikat fuq il-gazzetta Maltatoday sorsi qalu illi għalkemm Caruana Galizia qatt ma kienet innotifikata, il-każ kien se jfisser miljuni kbar ħafna għas-skapitù ta' Caruana Galizia, li sfat maqtula f'Ottubru li għadda. 

L-istess sorsi spjegaw kif il-Bank Pilatus kien se jagħmel il-każ illi minħabba l-allegazzjonijiet ta' Caruana Galizia, kien se jitlef miljuni kbar fi flus. 

Pilatus Bank, li għandu fergħa f'Ta' Xbiex u li kien f'nofs kontroversja minħabba din l-allegazzjoni, dejjem ċaħad illi hu qatt kellu dan il-kont partikolari. Pilatus dejjem ċaħad ukoll li qatt kellu l-kontijiet Tillgate u u Hearnville, ta' Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi rispettivament. 

Il-Bank Pilatus kien akkuża lil Caruana Galizia illi ġabet ruħha b'mod malizzjuż, opressiv u saħansitra razzist. 

Id-Deputat Nazzjonalista u l-Avukat tal-familja Caruana Galizia, Jason Azzopardi ressaq Private Members Bill fil-Parlament fih qed jitlob illi l-midja Maltija tkun protetta mill-azzjonijiet tal-iStrategic Lawsuit Against Public Participatuon (SLAPP). Azzopardi jgħid illi l-għan ta’ din l-istrateġija hija li ssikket lil min xogħlu huwa li jinvestiga u jippubblika. 

Il-Partit Laburista għadu ma ħax pożizzjoni għalkemm il-Ministru Owen Bonnici f'kumment tal-gazzetta oħt Maltatoday, sostna illi l-Gvern qed jieħu parir legali dwar il-vijabilitàtal-istess abozz mressaq minn Azzopardi. 

More in Politika