'Informazzjoni sensittiva dwar l-FIAU xxandret mill-MEPs mingħajr awtorizzazzjoni'
Il-Gvern Malti jgħaddi r-reazzjoni għar-rapport tal-MEPs dwar is-saltna tad-dritt
minn Albert Gauci Cunningham
Il-Gvern Malti bagħat ir-reazzjonijiet tiegħu lill-Parlament Ewropew għar-rapport li sar mid-delegazzjoni ta’ MEPs li żaret Malta fil-ġimgħat li għaddew biex tistħarreġ s-saltna tad-dritt f’Malta.
Fir-reazzjoni, l-Gvern jisħaq li r-rapport juri nuqqas ta’ għarfien dwar l-irwol tal-istituzzjonijiet f’Malta u kif dawn jaqdu dmirhom.
Jingħad li l-informazzjoni li ngħatat lill-MEPs kienet jew skorretta jew inkella antika.
Il-Gvern isostni wkoll li qed issir kritika lejn l-istrutturi Kostituzzjonali f’Malta jew deċiżjonijiet meħuda mill-istess Gvern meta pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea jħaddnu sistemi jew ħadu deċiżjonijiet li huma simili.
Intqal ukoll li matul dawn l-aħħar ħames snin, il-Gvern daħħal fis-seħħ numru ta’ riformi u se jkompli jaħdem b’dedikazzjoni u b’mod diliġenti, għalkemm ġie rimarkat li dwar dan ma saritx referenza biżżejjed fir-rapport.
Il-Gvern isostni li informazzjoni sensittiva dwar l-operat tal-FIAU xxandret fir-rapport mill-MEPs mingħajr ma ngħatat awtorizzazzjoni.
Il-Gvern Malti jagħmilha ċara li jinsab lest għal diskussjoni fuq kif jista’ itejjeb l-istituzzjonijiet politiċi, ġudizzjarji u ta’ prosekuzzjoni u jilqa’ r-rakkomandazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal governanza aħjar.
Jiġi nnutat iżda li l-Gvern għandu dubji dwar il-legalità tad-delegazzjoni, minħabba l-mod kif kienet magħmula u l-mod kif ħadmet. Ir-reazzjoni tisħaq li Malta se tirriserva d-drittijiet kollha tal-pajjiż f’dan ir-rigward.
Fi stqarrija, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, li kien ukoll membru tad-delegazzjoni li ġiet Malta, sostna li hija farsa l-mod kif il-Gvern qed jipprova jiġġustifika n-nuqqasijiet li jindikaw ir-rapport tal-MEPs.
Casa qal li l-attentat li tixxejjen ir-rilevanza tar-rapporti tal-FIAU fuq il-bażi li għaddejja inkjesta Maġisterjali hija tal-mistħija.
Government brushing off recommendations of MEPs following @Europarl_EN mission in #Malta instead of taking action to restore Malta's reputation. #RuleOfLaw #Corruption
— F Zammit Dimech (@FrancisZD) February 2, 2018
Fi tweet, l-MEP Francis Zammit Dimech ukoll sostna li dan kien eżerċizzju sempliċi min-naħa tal-Gvern biex ixejjen ir-rakkomandazzjonijiet tal-MEPs minflok jieħu azzjoni fuqhom.
Fil-konklużjonijiet tar-rapport, l-MEPs jisħqu fost l-oħrajn li għandha ssisr investigazzjoni fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru u l-Ministru Konrad Mizzi għandhom jirriżenjaw u għandha tiġi investigata l-liċenzja tal-bank Pilatus.