Il-MAM twissi dwar diskriminazzjoni fl-għoti tal-appuntamenti f'Mater Dei
Il-MAM qed titlob lill-Kap Eżekuttiv ta' Mater Dei biex issir investigazzjoni formali dwar dan
More in Politika
Il-MAM qed titlob lill-Kap Eżekuttiv ta' Mater Dei biex issir investigazzjoni formali dwar dan
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed titlob għal investigazzjoni dwar l-għoti tal-appuntamenti fl-Isptar Mater Dei wara li dawn tħassru minħabba l-istrajk ta’ nhar it-Tlieta li għadda.
Fi stqarrija, il-MAM qalet li għandha f’idha rapporti li juru kif qed jintużaw “prattiċi diskriminatorji” fl-għoti tal-appuntamenti permezz ta’ Facebook.
L-Assoċjazzjoni qed tisħaq li l-proċess tal-għoti tal-appuntamenti għandu jkun wieħed trasparenti u għandhom jintużaw mezzi uffiċjali biex wieħed jikseb mill-ġdid l-appuntamenti.
Kien għalhekk li l-MAM qed titlob lill-Kap Eżekuttiv ta' Mater Dei biex issir investigazzjoni formali dwar dan.
Fi kliem is-Segretarju Ġenerali tal-MAM, Martin Balzan, dawn il-mezzi għandhom ikunu miftuħa għal kulħadd
Saħaq ukoll li l-appuntamenti li ntilfu nhar it-Tlieta, għandhom isiru fi żmien erba’ ġimgħat li ġejjin u dawk urġenti, isiru malajr kemm jista’ jkun.
Il-MAM se titlob lill-membri tagħha biex mal-pazjenti jivverifikaw il-proċess tal-għoti tal-appuntament u saħqet li lesta tuża mezzi legali jekk jirriżultalha li kien hemm prattiċi rregolari.
Nhar il-Erbgħa, il-MAM qalet li sal-ġimgħa d-dieħla mhux mistennija li jkun hemm aktar azzjonijiet industrijali wara li ppreżentat “proposta għal soluzzjoni" lill-Gvern.
Il-MAM qed tisħaq li ftehim li sar mill-VGH mhuwiex fl-aħjar interess interess tal-pazjent u lanqas tal-poplu.