Mafkar Daphne | 'Inħoloq ċirku bil-buffu prinċipali jkun Ray Azzopardi'

  • Il-Kunsillier Laburista Norman Shaw jikkritika lill-kollega fil-Kunsill tal-Belt li ressaq mozzjoni dwar il-mafkar ta' Daphne
  • Jgħid li kieku kellu l-opportunità li jivvota kien jagħżel li jħalli l-mafkar ta’ Caruana Galizia fejn qiegħed

Il-Kunsillier Laburist tal-Belt Valletta, Norman Shaw ma jaqbel xejn mal-mozzjoni mressqa mill-kollega tiegħu, Ray Azzopardi, biex jitneħħew il-fjuri u x-xemgħat li tpoġġew quddiem ritratt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fuq il-Monument tal-Assedju l-Kbir.

Ray Azzopardi, ukoll Kunsillier f’isem il-Partit Laburista, ressaq din il-mozzjoni quddiem il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u ġiet diskussa waqt laqgħa taħraq li saret nhar it-Tlieta.

Għaliha kien hemm preżenti wkoll l-armel ta’ Daphne Caruana Galizia, fost oħrajn.

Ikkuntatjat mis-sit Illum.com.mt, Norman Shaw qal li din il-mozzjoni qatt ma kellha tiġi aċċettata mill-Kunsill Lokali u saħaq li ġiet aċċettat biss biex “jinħoloq ċirku, bil-buffu prinċipali jkun Ray Azzopardi.”

Shaw, li huwa wkoll il-Minority Leader tal-Kunsill qal li Ray Azzopardi ressaq din il-mozzjoni biex joħloq rebus u attenzjoni fuqu.

“Kieku telgħet għall-vot, kont nivvota kontriha,” saħaq Norman Shaw.

Il-Kunsillier saħaq li filwaqt li ma kienx jaqbel mal-istil tal-kitba ta’ Caruana Galizia, ma għandu l-ebda problema li l-pubbliku ddeċieda li jagħmel mafkar mal-Monument tal-Assedju bħala espressjoni ta’ solidarjetà mal-familja tal-ġurnalista u anke biex ifakkar li “l-ġustizzja trid isseħħ u kemm jista’ jkun malajr.”

Norman Shaw insista li ġaladarba s-Sindku, Alexiei Dingli, kien jaf li l-Monument tal-Assedju ma jaqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Kunsill, kien imissu m'aċċettax il-mozzjoni mill-ewwel.

Intant, sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li anke l-Prim Ministru Joseph Muscat kien kontra din il-mozzjoni. Minkejja dan, mistoqsijiet mibgħuta lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru baqgħu mhux imwieġba.

Il-Kunsillier Norman Shaw mal-kollega tiegħu Ray Azzopardi
Il-Kunsillier Norman Shaw mal-kollega tiegħu Ray Azzopardi

Il-ġimgħa li għaddiet, is-Sindku qal mal-Illum.com.mt li għalkemm il-Monument Nazzjonali ma jaqgħux taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill, hu ma jistax jinjora s-sentiment tan-nies.

Bħalissa, in-Network tas-Soċjetà Ċivili jinsab fi proċess li jlesti applikazzjoni biex jitwaqqaf monument għal Caruana Galizia.

Iċ-Ċerpersin tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef kien qal li se jkun qed jopponi kull tentattiv biex il-Monument tal-Assedju l-Kbir jiġi rikonoxxut ukoll bħala Monument għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan l-aħħar kien qed iduq fuq il-midja soċjali filmat ta' mara 'tiknes' il-fjuri u x-xemgħat minn fuq il-monument tal-Assedju.

Għada, in-Network tas-Soċjetà Ċivili se tkun qed torganizza velja quddiem il-Monument tal-Assedju l-Kbir fis-6:30pm f’għeluq l-erba’ xhur mill-isplużjoni li qatlet lil Caruana Galizia.

More in Politika