VGH | Inbiegħ b’€1 dak li sewa €3.6 miljun
Miljuni f’investiment Malti u Ewropew fl-2012, 2013 u 2014 fuq it-tagħmir tal-isptar li ngħata b’ewro wieħed lill-VGH
minn Yendrick Cioffi
F’seba’ xhur, bejn Ottubru tal-2013 u Mejju tal-2014, il-Gvern xtara b’aktar minn €3.6 miljun f’apparat mediku għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Dan kien jinkludi apparat mediku ġenerali kif ukoll tagħmir ieħor li mmodernizza s-swali tal-operazzjonijiet tal-istess sptar.
Minn riċerka li għamlet l-ILLUM, jirriżulta li f’Ottubru tal-2013, il-Gvern ħareġ tender li permezz tiegħu xtara b’aktar minn €91,000 apparat mediku biex bejn April u Mejju tal-2014, sena biss qabel mal-VGH intgħażlu biex jieħdu f’idhom it-tmexxija tal-istess sptar, ippubblika erba’ tenders oħra u xtara tagħmir mediku li jiswa aktar minn €3.5 miljun.
Iżda ftit tal-ġimgħat ilu, fuq The Sunday Times kien żvelat li meta l-Gvern iffirma l-ftehim ma’ Vitals Global Healthcare, f’Marzu tal-2016, dan l-apparat u tagħmir ieħor fl-istess sptar u fl-isptarijiet San Luqa u Karin Grech, inbiegħ lill-VGH għal €1 biss.
Minkejja li din l-aħbar ħarġet fuq il-mezzi tax-xandir f’Diċembru li għadda, il-Gvern għadu qatt ma rrisponda diversi mistoqsijiet minn gazzetti differenti inkluż l-ILLUM dwar dan is-suġġett.
Il-VGH sabu s-sodda mifruxa?
L-ewwel tender (CT3077/2013), li huwa disponnibbli fuq is-sit tal-Gvern etenders.gov.mt, huwa dwar tagħmir mediku u aċċessorji oħra għas-sala tal-operazzjonijiet tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dan kien ippubblikat fl-2013. B’kollox intrebħu disa’ kuntratti li jammontaw għal aktar minn €91,000.
Dan kien jinkludi mobile station (€8,424), apparat għall-proċedura tal-loppju (€15,431) u aċċessorji oħra (€27,474).
F’April tal-2014 ingħalaq il-proċess biex jintgħażlu kumpaniji għal żewġ tenders oħra (CT3022/2014 u CT3019/2014) għal tagħmir mediku ieħor, wieħed għas-sala tal-operazzjonijiet u l-ieħor dwar tagħmir għad-diżinfettar u sterilizzazzjoni. Dawn iż-żewġ tenders ukoll ingħataw f’lottijiet u ntrebħu kuntratti li kienu jammontaw għal aktar minn €1.3 miljun u aktar minn €994,000.
Dawn iż-żewġ tenders, kienu jinkludu apparat għad-diżinfettar (€524,500), ‘anaesthesia workstations’ (€105,000), sistema tal-endoskopija HD (€372,157) u ‘fibre endoscopy system’ (€220,000).
Xahar biss wara kienu jagħlqu żewġ tenders oħra (CT3021/2014 u CT3020/2014), li fost oħrajn, bħal dawk ta’ qabilhom, kienu dwar aktar tagħmir mediku speċjalizzat għas-sala tal-operazzjonijiet. Dawn iż-żewġ tenders ingħataw f’kuntratti li kienu jammontaw għal ftit inqas minn €670,000 u ftit inqas minn €586,000.
Dawn kienu jinkludu x-xiri ta’ tagħmir bħal ‘Mobile C-Arm Radiographic Unit’ (€278,114), ‘HDU / ITU Point of Care System Procedures’ (€97,247), ‘Operating Table’ (€296,900) u sodod elettroniċi (€760,400), fost oħrajn.
Dan it-tagħmir kollu nxtara bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej fosthom il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Dawn l-ammonti ma jinkludux xogħol ieħor li sar fl-istess sptar.
Dan apparti investiment ieħor ta’ €3.8 miljun, fis-swali tal-operazzjonjiet tal-istess sptar u li kien ġie inawgurat fis-6 ta’ Frar tal-2013 mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi. €1.5 miljun oħra kienu ntużaw biex is-sistema diġitali tal-isptar ta’ Għawdex tkun konnessa ma’ dik ta’ Mater Dei u sptarijiet oħra f’Malta.
Fost il-kumpaniji li ngħataw l-akbar kuntratti kien hemm Associated Equipment, E. J. Busuttil, Pharma-Cos, Charles De. Giorgio u Technoline.
Minkejja li t-tmexxija tal-isptarijiet għaddiet f’idejn il-VGH fl-2016, informazzjoni pubblika turi li l-Gvern baqa’ jixtri apparat/servizzi għall-Isptar ta’ Għawdex, bl-aħħar tender kien jagħlaq fi Frar tal-2017 u kien għal xiri ta’ gass LPG.
Kollox jgħaddi minn id it-Technoline
Il-Vitals Global Healtchare fdat lil Technoline Ltd. b’kuntratt esklussiv għax-xiri tat-tagħmir mediku li jkollha bżonn fit-tliet sptarijiet li ħadet f’idha minn Ġunju tal-2016.
Dan ifisser li kumpaniji oħra li wkoll jipprovdu tagħmir mediku, iridu jgħaddu l-ewwel minn idejn Technoline, kumpanija li tikkompeti magħhom, jekk ikunu jridu jbigħu lil VGH. Fi kliem sorsi li tkellmu mal-ILLUM, dan huwa kunflitt ta’ interess.
Is-sid tal-kumpanija Technoline huwa Ivan Vassallo. Qabel mal-kumpanija ntgħażlet mill-VGH, Vassallo kien ‘marketing manager’ tagħha, iżda skont rapporti, fi ftit xhur, l-istess Vassallo, permezz tal-kumpanija Gateway Solution, xtara l-kumpanija, bl-assi kollha tagħha, mingħand iż-żewġ sidien oriġinali.
Jidher ukoll li l-istess Vassallo huwa direttur ta’ tliet kumpaniji oħra, fosthom il-kumpanija MMXVI. Wieħed mix-shareholders f’din il-kumpanija huwa Brian Tonna, ta’ Nexia BT, l-istess kumpanija li kienet għenet lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff Keith Schembri, biex fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama.
L-uniku informazzjoni li teżisti dwar din il-kumpanija, hija li twaqqfet fit-12 ta’ Frar tal-2016 iżda bħalissa qed tiġi xolta. L-indirizz tal-kumpanija huwa 30, Triq Santa Marija Ħal Luqa, iżda kuntatt tagħha ma jeżisti mkien.
Sorsi li tkellmu ma’ din il-gazzetta spjegaw kif minkejja li t-tagħmir mediku li xtara l-Gvern fl-2013 u fl-2014 kien għadu “fi stat tajjeb,” il-kumpanija Technoline LTD tqabbdet minn VGH biex tbiddel ammont minn dan l-apparat.
Dan il-punt tqajjem ukoll mis-sit Lovin Malta meta kienet staqsiet lil Ivan Vasallo jekk hux vera li Technoline biegħet ‘blood counter’ u pprovdiet ieħor minkejja li dan kien ilu li nxtara biss tliet snin.
Minkejja dan, Vassallo naqas milli jwieġeb u qal biss li “mhux fil-libertà” li jgħid x’inbiegħ jew le.
L-istess sit jistaqsi wkoll lill-istess Vassallo jekk kienx iffinanzjat minn Pierre Sladden, investitur li ismu deher fil-Panama Papers. Skont rapport fuq The Malta Independent, Sladden, Keith Schembri u l-eks direttur maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman huma sidien tal-kumpanija Ċiprijotta A2Z Consulta.
Filwaqt li saħaq li Sladden huwa ħabib antik tiegħu, jisħaq li ma kellu xejn x’jaqsam max-xiri tal-kumpanija Technoline u l-ftehim bejnha u l-VGH.
Mistoqsi wkoll dwar il-kumpanija MMXVI, Vassallo wieġeb li waqqaf din il-kumpanija biex tagħmel xogħol dwar teknoloġija tal-ġenetika iżda qatt ma qabdet u għalhekk qed tiġi xolta.
Skont rapport fuq il-Maltatoday f’Settembru tal-2017 Technoline ħadet erba’ ‘loans’ mill-Bank of Valletta li jammontaw għal €4.25 miljun ewro.
Il-ftehim oriġinali, li kien għadda l-isptarijiet lill-Vitals Global Healtcare, kien jorbot lill-kumpanija biex tagħmel investiment ta’ €220 miljun f’sentejn għalkemm il-Gvern kien qabel li se jżomm il-ħaddiema kollha fuq il-kotba tiegħu.
Minkejja dan, għadu mhux magħruf x’xogħlijiet wettqet il-Vitals, b’diversi rapporti jisħqu li l-kumpanija naqqset mill-miri ewlenin tagħha, bl-Assoċazzjoni Medika Maltija tisħaq li kulma għamlet kienet ħofra kbira f’Għawdex u kisja fuq faċċata tal-Isptar San Luqa.
L-ILLUM għadha wkoll bla risposta mingħand il-Gvern dwar kemm ħadu flus il-Vitals f’dawn il-21 xahar.
Il-ġimgħa li għaddiet, l-istess gazzetta żvelat kif il-kumpanija Għawdxija Gatt Brothers għandhom jieħdu eluf kbar ta’ ewro għax-xogħlijiet li wettqu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fi żmien il-Vitals Global Healtchare.
Nota Editorjali - Kjarifika Gatt Brothers
Din il-gazzetta tixtieq tagħmilha ċara li kienet hi li avviċinat lil Gatt Brothers biex tistaqsi għaliex waqaf ix-xogħol fuq il-kostruzzjoni tal-iskola ta’ Barts.
Ma’ din il-gazzetta, f’kuntatt telefoniku, kien tkellem id-Direttur Joe Gatt.
Ikkuntattjati minn direttur ieħor tal-istess kumpanija, din il-gazzetta tixtieq 1. tikkonferma dak kollu li ħareġ fil-gazzetta ILLUM tal-Ħadd li għadda. 2. li tgħaddi l-kummenti tad-direttur l-ieħor li ċempel lil din il-gazzetta u li esprima l-ottimiżmu tiegħu li l-kwistjoni tal-flus li Gatt Brothers għandhom jingħataw tkun riżolta ladarba l-Isptar ta’ Għawdex jibda jitmexxa mill-kumpanija Steward Health Care.