DBRS u Moody's jgħollu l-grad ta' Malta
Din kienet l-ewwel darba li Moody's għolliet il-klassifika ta’ Malta mill-2013 ‘l hawn
More in Politika
Din kienet l-ewwel darba li Moody's għolliet il-klassifika ta’ Malta mill-2013 ‘l hawn
L-aġenzija internazzjonali tal-kreditu DBRS għolliet il-klassifika ta’ Malta minn A għal A High.
Fl-istess ġurnata, l-aġenzija Moody’s ukoll għolliet ir-rating ta’ Malta minn A3 stable għal A3 positive. Din kienet l-ewwel darba li din l-aġenzija għolliet il-klassifika ta’ Malta mill-2013 ‘l hawn.
Fir-rapport tagħha, DBRS qed tbassar li d-dejn tal-pajjiż se jonqos għal 41.2% tal-ġid nazzjonali sal-2022. Dan ifisser 7 punti perċentwali inqas mit-tbassir preċedenti.
Skont DBRS, l-ekonomija Maltija qed tkompli tiġi xprunata ‘l quddiem u tiddeskrivi lil Malta bħala wieħed mill-aktar pajjiżi li sejjer tajjeb fiż-Żona Ewro.
DBRS turi kif it-tkabbir ekonomiku bejn l-2013 u l-2017 kien ta’ 6.4%, jiġifieri tliet darbiet aktar mir-rata medja kkalkulata bejn l-2004 u l-2012.
Fost l-isfidi li jagħmlu lill-ekonomija Maltija vulnerabbli, DBRS issemmi l-garanzija fuq is-self tal-intrapriżi li huma tal-istat u s-settur finanzjarju “konċentrat.”
Issemmi wkoll il-pressjonijiet li jista’ jkun hemm fuq is-sistema tal-pensjonijiet u anke l-qasam tas-saħħa, minħabba li l-ispejjeż relatati mal-età huma mbassra li jikbru.
L-ekonomisti jbassru wkoll li l-ekonomija Maltija se tkompli tikber bir-rata ta’ madwar 5% sal-2020.
Min-naħa tagħha, Moody’s qalet li d-deċiżjoni tagħha li ttejjeb il-pożizzjoni tagħha kienet ibbażata fuq żewġ fatturi, il-fatt li l-Gvern tejjeb il-finanzi tiegħu waqt li naqqas id-dejn u l-garanziji fuq id-dejn.
Il-Moody’s qalet li s-sena li għaddiet, il-Gvern laħaq surplus ta’ 1.5% tal-ġid nazzjonali, kontra defiċit ta’ 3.5% fl-2012.
Innutat ukoll li parti mit-titjib kien dovut għad-dħul mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment iżda l-akbar parti kienet ġejja mill-konsolidazzjoni fiskali u anke mit-tkabbir ekonomiku sostenibbli.
Saħqet li jekk Malta tibqa’ sejra hekk, tkun tista’ tgħolli r-rating tagħha għal livell ta’ A2.
Min-naħa tiegħu, fi stqarrija, il-Gvern laqa’ dawn “l-aħħar ċertifikati għal pajjiżna” u qal li jara dan bħala bażi soda għal aktar titjib fiż-żmien li ġej.
B’referenza għar-rapport tad-DBRS, il-Gvern qal li minkejja “kampanja kontra l-istituzzjonijiet pubbliċi, l-ekonomisti jisħqu li l-ambjent politiku f’Malta huwa stabbli u li l-Gvern qed jaħdem biex il-governanza tissaħħaħ u jitjieb ukoll il-qafas istituzzjonali.