Il-Partit Nazzjonalista se jressaq emendi għal-liġi mressqa mill-Gvern dwar il-Vjolenza Domestika biex fil-liġi jerġa’ jiddaħħal ir-rikonoxximent tat-tarbija fil-ġuf “bħala parti integrali tal-familja.”
Meta l-abbozz kien għadu fl-istadju tat-Tieni Qari fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista kien ivvota favur u kien id-Deputat Edwin Vassallo li waħdu vvota kontra.
Waqt laqgħa ma’ delegazzjoni tal-Malta Unborn Child Movement, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għad-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf, Claudio Grech saħaq li l-ħidma favur id-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf għandha testendi f’oqsma oħra partikolarment dawk relatati mas-servizzi tas-saħħa għan-nisa li jkollhom tqala diffiċli.
Kompla jgħid l-istess ħidma għandha tkun estiża wkoll f’qafas aktar b’saħħtu ta’ servizzi soċjali.
Grech faħħar l-inizjattiva tal-Malta Unborn Child Movement u enfasizza li dan il-Movument huwa "eżempju ta’ kif is-soċjetà ċivili għandha l-ħila u l-impenn li tingħaqad għall-ġid komuni f'suġġett daqstant delikat u importanti għas-soċjetà."
Il-PN fakkar ukoll fl-istħarriġ tal-MaltaToday, li juri kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin ma jaqblux mal-introduzzjoni tal-abort.