‘Lanqas jien ma naqbel mal-kwoti... imma huma bżonn’
Il-Ministru Dalli determinata li minkejja ħafna kritika tmexxi ’l quddiem bil-kwoti għan-nisa fil-politika
minn Albert Gauci Cunningham
Bil-kwoti jew bla kwoti? L-opinjoni hija maqsuma b’ħafna, inkluż nisa, jinsistu li mara għandha tingħata promozzjoni jew pożizzjoni jew inkella saħansitra siġġu fil-Parlament għax tkun ħadmet għalih, mhux għax hemm xi obbligu legali li jkun hemm numru minimu ta’ nisa li bilfors iridu jkunu f’dak l-impjieg jew jokkupaw dik il-kariga partikolari.
Sa nhar il-Ħadd li għadda stess din il-gazzetta rrappurtat kif in-nisa li qed japplikaw għal pożizzjonijiet maniġerjali huma inqas minn nofs ta’ dawk l-irġiel li japplikaw għall-istess tip ta’ xogħol.
U l-Ministru Helena Dalli li qed tmexxi l-Liġi dwar l-Ugwaljanza, x’taħseb? Mal-ILLUM Dalli qalet li hija determinata li minkejja kollox il-kwoti jkunu imposti biex iġibu l-bidla li s’issa qatt ma seħħet u li jitkissru l-barrieri li għalkemm ma jidhrux, għadhom hemm. “Naf li hawn ħafna li ma jaqblux mal-kwoti u fil-fatt lanqas jien ma naqbel, imma fl-istess ħin nemmen li biex nilħqu dak in-numru kritiku ta’ nisa fil-Parlament se jkollna bżonn nintroduċu l-kwoti.”
“Hemm bżonn nieħdu azzjoni” tkompli tgħid Dalli, “jekk ma rridux nibqgħu mexjin bil-pass li mexjin bħalissa. Jiena ili fil-politika, imma kemm ili fil-politika in-numru ta’ nisa fil-Parlament ma żdiedx. Il-kwalità ta’ xogħol li għamlu n-nisa tjieb veru, imma mhux in-numru ta’ nisa.” Hija ħeġġet biex naħsbu kemm jista’ jsir aktar xogħol milli diġà qed isir, jekk in-numru ta’ Deputati nisa fil-Parlament jiżdied minn dak li hemm illum.
Bħalissa fil-Parlament hemm 10 Deputati nisa, minn total ta’ 67 Deputat. Dawn huma Justyne Caruana, Helena Dalli, Rosianne Cutajar u Julia Farrugia Portelli minn naħa tal-Partit Laburista. Kif ukoll Claudette Buttigieg, Therese Comodini Cachia, Kristy Debono, Maria Deguara u Marthese Portelli għall-Partit Nazzjonalista. Ma’ dawn tingħaqad Marlene Farrugia f’isem il-Partit Demokratiku.
Il-Ministru Dalli tirrimarka kif bħalissa l-Ministeru li tmexxi jinsab fl-aħħar stadji ta’ konsultazzjoni dwar il-Liġi tal-Ugwaljanza. “Din hija liġi li pajjiżna qatt ma kellu bħalha u li permezz tagħha se nwaqqfu Kummissjoni fuq il-Prinċipji ta’ Pariġi, bil-Kummissarju tagħha jirrispondi direttament lill-Parlament u allura jaqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Ispeaker.”
Lura fl-2016 meta kien mniedi l-ewwel abbozz ta’ din il-liġi, Silvan Agius li jmexxi d-Direttorat tal-Integrazzjoni u Drittijiet tal-bniedem fil-Ministeru ta’ Dalli kien sostna li din il-liġi se toħloq standards speċifiċi u se tfisser illi kulħadd jista’ jserraħ moħħu li kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni; dik ibbażata fuq ġeneru, sess, sesswalità, reliġjon jew razza se tkun illegali.
Per eżempju, din il-liġi mistennija li tagħmilha illegali li negozju jiddiskrimina kontra persuni meta jkunu qed jiġu provduti servizzi, li bħalissa huwa illegali biss f’termini ta’ ġeneru u razza. Dan ifisser illi jekk persuni, ejja ngħidu koppja tal-istess sess, titlob servizz li jkun pruvat li ma ngħatalhiex għax hija koppja tal-istess sess, tista’ tiftaħ każ ta’ diskriminazzjoni kontra min irrifjuta s-servizz.
Agius kien spejga kif din il-liġi se tkopri wkoll diskriminazzjoni kontra razez differenti fejn jidħol xogħol jew anke espressjonijiet u sentimenti diskriminatorji fil-pubbliku.
Intant lura dwar id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ġeneru l-Ministru Dalli saħqet illi minkejja li l-kunċett ta’ xogħol ugwali għal ħlas ugwali huwa stabbilit fil-liġi l-implimentazzjoni tagħha mhux neċessarjament qed iseħħ. “Ġieli jintużaw ismijiet differenti għal xogħol li fil-verità jkun l-istess.”
Dalli indikat li Malta se tkun qed issegwi dak li fil-fatt ġara fl-Iżlanda, fejn kien stabbilit il-bżonn ta’ aktar infurzar biex ikun aċċertat li l-kunċett ta’ ħlas ugwali għal xogħol ugwali jaħdem fil-prattika.