'Kull ma jmur qed isir Gvern li jaħseb għalih innifsu'
Godfrey Farrugia jibqa' jinsisti li hu kontra li jiqsar iż-żmien biex il-Membri Parlamentari jkunu intitolati għall-pensjoni wara ħames snin
More in Politika
Godfrey Farrugia jibqa' jinsisti li hu kontra li jiqsar iż-żmien biex il-Membri Parlamentari jkunu intitolati għall-pensjoni wara ħames snin
Id-Deputat tal-Partit Demokratiku, Godfrey Farrugia, qal li hu jibqa’ kontra li jiqsar iż-żmien biex il-Membri Parlamentari jkunu intitolati għall-pensjoni wara li jkun servew leġislatura waħda u mhux tnejn.
Farrugia qal dan fi stqarrija wara li l-eks Membru Parlamentari Laburista, Lino DeBono, qal mal-MaltaToday li Godfey Farrugia kien favur dawn l-emendi u l-abbozz tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra meta hu kien Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista.
DeBono saħaq li baqa’ skantat meta l-ġimgħa li għaddiet Farrugia ħareġ kontra dan l-abbozz.
Iżda Godfrey Farrugia qed jiddeskrivi dan bħala 'spin' u insista li ma għandha ssir l-ebda riforma fil-pensjoni tal-Membri Parlamentari qabel ma tkun garantita pensjoni xierqa għal ħajja dinjituża lil kulħadd.
Fakkar li l-Partit Laburista kien ħareġ bis-saħħa kollha kontra ż-żieda ta’ €500 proposta mill-Partit Nazzjonalista u li ngħatat fi żmien kriżi finanzjarja Ewroprea.
“Dan mhux il-Partit Laburista li l-poplu tella’ fl-2013 u li reġa’ tah tama ġdida fl-2017,” saħaq Farrugia. “Kull ma jmur qed juri biċ-ċar li huwa Gvern li jaħseb għalih innifsu u għal ta’ ġewwa u mhux għal popolu Malti u Għawdxi.”
“Naturalment il-Partit Nazzjonalusta ta’ Delia, fuq żieda lilu nnifsu jaqbel żgur, għax ma hemmx x’tagħżel bejniethom,” temm jgħid Farrugia.
Intant, il-Partit Demokratiku nieda petizzjoni fuq is-sistema onlajn tal-Parlament, biex in-nies ikollhom ċans jesprimu ruħhom kontra din il-liġi.
Il-PD spjega kif din il-petizzjoni trid tkun diskussa fil-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlamenti li mbagħad jiddeċiedi jekk għandux ikun hemm dibattitu ieħor fuq din il-liġi.
L-emendi għal din il-liġi tressqu l-ġimgħa li għaddiet mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona bil-kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech jgħid li ma għandux ikun distinzjoni bejn Membri Parlamentari fuq iż-żmien li jkunu servew fil-Parlament.