Distanza legali jew le? Il-Gvern se jiċċara l-liġi dwar il-kmamar tan-nar

Il-ġimgħa li għaddiet sentenza mill-Qorti tal-Appell wasslet biex jiġi revolat permess ta’ kamra tan-nar

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-Gvern se jkun qed iressaq emendi għal-liġijiet li jirregolaw il-kmamar tan-nar, wara li l-ġimgħa li għaddiet sentenza mill-Qorti tal-Appell wasslet biex jiġi revokat permess ta’ kamra tan-nar.

Is-sentenza kienet dwar il-kamra tan-nar fiż-Żebbiegħ li kienet tipproduċi n-nar għall-festa ta’ Santa Marija tal-Mosta minħabba l-fatt li l-kamra kienet tinsab inqas minn 183 metru ‘l bogħod minn triq li tintuża mill-bdiewa.

Skont il-liġi, kamra tan-nar trid tkun minn tal-inqas 183 metru ‘l bogħod minn kwalunkwe post abitat, triq li tintuża regolarment mill-karozzi  jew inkella kwalunkwe triq skont l-opinjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija wara li jkun ikkonsulta mad-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Il-Ministru Bonnici saħaq li filwaqt li l-Gvern jirrispetta dejjem id-deċiżjoni tal-Qorti, is-sentenza kienet “kwistjoni ta’ interpretazzjoni.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ħabbar għajnuna li se tingħata lill-kmamar tan-nar li jinvestu fi proġetti li jżiedu s-sigurtà, il-Ministru qal li jaħseb li hemm spazju għal intervent leġiżlattiv biex din il-kwistjoni tkun solvuta.

Il-Ministru ċaħad li d-deċiżjoni li tiġi ċċarata l-liġi li titratta l-kmamar tan-nar se tkun qed tittieħed wara pressjoni mill-pirotekniċi. Insista li l-emendi se jkunu jindirizzaw l-interpretazzjonijiet diversi li jista’ jkun hemm, kif ġara fil-każ ta’ din it-triq fiż-Żebbiegħ.

Fakkar li l-permessi kollha tal-kmamar tan-nar jinħarġu wara proċess li fih hemm involuti l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Ministeru għall-Intern.

Intant, waqt il-konferenza, il-Ministru ħabbar li l-Gvern se jkun qed jalloka €170,000 għal dawk il-kmamar tan-nar li jinvestu f’miżuri ta’ sigurtà. Kull kamra tan-nar tista’ tieħu sa €5,000. 

Biex japplikaw, il-kmamar tan-nar iridu jkunu rreġistrati bħala għaqdiet volontarji u anke jkollhom il-liċenzja.

L-applikanti jridu jissottomettu proposta dettaljata tal-proġett. Bejn 60 u 100% tal-fondi allokati jridu jintużaw fuq l-infrastruttura.

More in Politika