Simon Busuttil jakkuża lill-Ispeaker li qed jikser il-kostituzzjoni

Fuq Twitter, Busuttil iddeskriva dan ir-ruling bħala "preċedent perikoluż"

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil appella ruling tal-Ispeaker Anġlu Farrugia li din il-ġimgħa ma ħallihx isaqsi żewġ mistoqsijiet parlamentari dwar jekk iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, għandux kontijiet bankarji barra minn Malta.

Skont Busuttil, li huwa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-governanza tajba, "l-Ispeaker mar kontra l-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u anki kontra l-Kostituzzjoni, meta "waqqaf u ċċensura Membru Parliamentari, flok iddefenda id-dritt tiegħu li jagħmel mistoqsijiet li jfittxu t-trasparenza u l-verità.

Fir-ruling tiegħu, l-Ispeaker kien qal li l-mistoqsijiet lill-Ministri għandhom ikunu dwar ir-resonsabilitajiet tagħhom u għandhom ikunu bbażati fuq fatti u mhux fuq rapporti tal-midja.

Simon Busuttil, li huwa l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-governanza tajba, kien se jistaqsi dwar jekk hux minnu li Schembri għandu kontijiet bankarji f'Dubaj jew inkella f'Pilatus Bank.

Fuq Twitter, Busuttil iddeskriva dan ir-ruling bħala "preċedent perikoluż."

Skont Busuttil, il-kwistjoni dwar jekk Schembri għandux kont bankarju f'Dubaj u fil-Bank Pilatus, hija ta' "interess pubbliku kbir," u fakkar li dawn issemmew waqt "l-investigazzjonijiet dwar ħasil ta' flus minn aġenziji pubbliċi bħall-FIAU u f'investigazzjonijiet internazzjonali bħall-Panama Papers. "

More in Politika