Analiżi | Żewġ delitti. Żewġ pajjiżi. Dak differenti u dak simili

Il-paraguni odjużi jgħidu... imma ladarba xorta qed isiru l-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn rapport ippubblikat  il-ġimgħa l-oħra dwar il-qtil ta’ Jan Kuciak fl-Islovakkja u tikkumpara sett ta’ fatti mal-qtil ta’ Daphne f’Malta

Daphne u Kuciak. Dak simili u differenti
Daphne u Kuciak. Dak simili u differenti

Għaddew ħames xhur mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, fil-fatt dan l-anniversarju kien eżatt nhar il-Ġimgħa. Ħames xhur illi fihom saret ħafna diskussjoni dwar il-qtil tagħha, is-sigurtà, is-saltna tad-dritt u anke dwar dak li kienet kitbet hi dwar diversi kwistjonijiet; mill-VGH sal-kontijiet fil-Panama tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Mill-allegazzjoni ‘Egrant’ sa’ oħrajn dwar iż-żejt bil-kuntrabandu. Mit-tgħajjir klassista u personali għal inċidenti ta’ karozzi bomba.

Imma għal mumenti matul dawn il-ħames xhur id-diskussjoni dwar dan il-qtil ħadet xejra xi ftit jew wisq ‘barranija’ mhux biss minħabba l-attenzjoni li ntefgħet fuq Malta imma wkoll minħabba l-qtil ta’ ġurnalist Slovakk fi Frar li għadda.

Mingħajr wisq sorpriża, hekk kif il-qtil ta’ Caruana Galizia għadu pjuttost frisk f’moħħ ħafna Maltin, beda jsir il-paralleliżmu bejn iż-żewġ delitti, paralleliżmu politiku u soċjali.

L-ILLUM tat ħarsa estensiva lejn rapport li kien ippubblikat il-ġimgħa l-oħra dwar l-Islovakkja, simili fin-natura tiegħu għar-rapport li kien sar dwar Malta minn delegazzjoni tal-MEPs li kienu ġew pajjiżna. Din il-gazzetta użat l-informazzjoni f’dan ir-rapport biex tagħmel il-paralleliżmu bejn iż-żewġ każijiet u tispjega lill-qarrejja fejn il-fatti ġraw l-istess u fejn il-fatti huma differenti, bejn il-qtil tal-ġurnalista Maltija u l-qtil tal-ġurnalist mill-Islovakkja.

Differenti: Kif seħħ il-qtil u l-pulizija fuq il-post

Nhar it-Tnejn 16 ta’ Ottubru 2017, ftit biss wara li seħħet karozza bomba u malli sar magħruf li fiha kien hemm il-ġurnalista u blogger Daphne Caruana Galizia, it-triq li tagħti għall-Bidnija kienet magħluqa u l-post fejn seħħet l-isplużjoni issiġġillata.

It-triq kienet mimlija attività ta’ membri mill-Korp tal-Pulizija, membri tal-Forzi tal-Ordni kif ukoll membri tal-midja. Il-pajjiż kien prattikament mixgħul bil-qtil ta’ Caruana Galizia, b’maratoni televiżivi mill-Bidnija.

Il-qtil ta’ Jan Kuciak għadu teżisti taħt ammont ta’ misteru, hekk kif lanqas għadu ċar meta miet eżatt. Ċar biss illi l-gazzetta ‘Dennikn’ irrappurtat dan il-qtil nhar it-Tnejn 26 ta’ Frar “wara bosta telefonati mill-familja li qatt ma twieġbu. Omm Martina (l-għarusa ta’ Jan li nqatlet miegħu) ċemplet lill-pulizija biex tinformahom...”

Ir-rapport tad-delegazzjoni ta’ MEPs li marru l-Islovakkja isostni illi la d-data u lanqas l-ħin tal-qtil ta’ Kuciak għadhom ma kienu kkomunikati lill-pubbliku.

S’hawnhekk, id-differenza bejn qtil u ieħor huwa kunsidrevoli, bid-delitt innifsu fl-Islovakkja taħt sħaba ta’ mistoqsijiet u dubji.

Simli: Panama Papers

Kemm Kuciak kif ukoll Daphne Caruana Galizia kienu ħadmu fuq l-istorja tal-Panama Papers li finalment kienu żvelati mill-ICIJ.

Il-Panama Papers kienu jinkludu numru ta’ politiċi, qraba ta’ politiċi, negozjanti kbar u persuni ta’ ċerta poter finanzjarju li kellhom kontijiet fil-Panama, pajjiż fuq il-Lista s-Sewda għal ħafna snin u magħruf għal attività ta’ evażjoni ta’ taxxa.

Lokalment il-Panama Papers qajmu furur politiku kbir, l-aktar dwar tliet kumpaniji partikolari, Tillgate Inc, Hearnville Inc. u Egrant Inc. B’waħda tkun ta’ Konrad Mizzi, oħra ta’ Keith Schembri u l-oħra għadha xi ftit jew wisq ta’ misteru. Il-kontijiet fil-Panama kienu l-għerq ta’ ħafna mill-għawġ politiku tal-Gvern preżenti hekk kif dawn il-kontijiet infetħu ftit wara rebħa Laburista u qabel l-iffirmar ta’ kuntratti kbar li jinvolvu wħud mill-assi tal-pajjiż (power station, tliet sptarijiet, Enemalta...).

Iżda aparti dawn fil-Panama Papers hemm diversi persuni oħrajn Maltin li mhumiex politiċi fosthom negozjanti u persuni b’rabtiet partikolari ma’ pajjiżi ġirien.

Intant fl-Islovakkja inkixfu diversi ismijiet fosthom Jana Lutken, ir-rappreżentant legali ta’ kumpanija involuta fl-iskandlu tal-kwoti ta’ emmissjonijiet fl-ewwel leġislatura ta’ Robert Fico – Interblue Group. Dan kien skandlu li jingħad illi sewa lill-pajjiż €75 miljun u li dwaru ħadd ma ttella’ l-Qorti.

Isem ieħor huwa Zuzana Herichova, li allegatament kienet marbuta ma’ tender għall-operat ta’ sistema ta’ highways. Iżda aktar minn hekk jissemma l-PM Fico nnifsu permezz tal-kumpanija Elwing Slovakia, li ħoloq hu imma jgħid li biegħ u li m’għad għandu x’jaqsam xejn magħha.

Jan Kuciak
Jan Kuciak

Simili: Fejn waqgħu s-suspetti

Naturalment, bħal dejjem, wara qtil ta’ persuna mill-aktar kontroversjali u pubblika kulħadd jippunta s-swaba’. U hekk ġara fil-każ ta’ Malta kif ukoll fil-każ tal-Islovakkja. S’hawnhekk iż-żewġ każi huma pjuttost simili.

Id-differenza hija li fil-każ lokali, Caruana Galizia kellha karriera itwal minn dik ta’ Kuciak, u karriera ħafna kkulurita bil-konsegwenza illi mal-ħbieb li għamlet, għamlet ħafna iktar għedewwa. Minkejja l-każ tal-Panama, l-aħħar stejjer tagħha kienu dwar kont f’Jersey, post ieħor magħruf għall-evażjoni. Hija kienet allegat illi dan il-kont kien allaċċjat ma’ Adrian Delia u agħar minn hekk li minn dan il-kont kienu għaddew flus minn attività relatata mal-prostituzzjoni f’Soho, Londra.

Apparti minn hekk Caruana Galizia kitbet diversi bloggs dwar nies allegatament relatati ma’ żejt li qed jiddaħħal bil-kuntrabandu, klikek ta’ nies li kienu qed imutu u joqtlu permezz ta’ karozzi bomba u stejjer oħrajn li kixfu beraħ persuni f’mumenti privati mal-familja/ħbieb.

Jiġifieri fil-każ lokali, kien hemm ħafna swaba’ ppuntati lejn ħafna nies.

Fil-każ ta’ Kuciak l-ewwel swaba’, kemm tal-midja kif ukoll tal-pubbliku kienu diretti lejn in-negozjant Marian Kocner, li r-rapport jispjega kif fil-passat kien marbut mal-mafja Slovakka u li qed ikun investigat dwar frodi possibbli relatat mal-VAT. Ir-rapport tal-MEPs jgħid ukoll illi Kocner kellu appartament fil-kumpless fejn jgħix il-PM Fico u fejn għandu appartament il-Ministru tal-Intern.

Kuciak kiteb diversi artikli dwar il-prattiċi ta’ Kocner. B’Kuciak imbagħad jirraporta illi dan heddu u li sussegwentement għamel rapport lill-Pulizija.

Dan ifisser li fil-każ ta’ Kuciak is-suspetti, anke jekk mhux neċessarjament fondati, kienu aktar speċifiċi u partikolari. Li jista’ jfisser ukoll li min ried joqtol lil  Caruana Galizia kien intelliġenti biżżejjed biex jirrealizza li fil-każ tal-ġurnalista Maltija, is-suspetti se jkunu fuq wisq nies biex jaqgħu direttament fuqu.

Mhux ċar: Rapporti lill-Pulizija

Fuq dan l-aħħar punt nistgħu niftħu paranteżi, dik dwar rapporti lill-Pulizja. Hawnhekk għadu mhux neċessarjament ċar jekk iż-żewġ assasinji humiex l-istess jew differenti.

Kuciak jgħid illi 44 ġurnata wara li għamel rapport lill-pulizija li ħajtu kienet mhedda ma ttieħdet ebda azzjoni mill-Pulizija biex jingħata protezzjoni. Fil-fatt il-każ tiegħu lanqas biss kien assenjat lill-uffiċjal tal-Pulizija.

F’Malta fl-ewwel ftit sigħat wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien irrappurtat illi hi kienet għamlet rapport fl-għassa tal-Mosta dwar theddid fuq ħajjitha. Il-Pulizija tal-istess għassa ċaħdu li qatt sar dan ir-rapport.

Is-sit illum.com.mt kien irrapporta d-diskors tas-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ) Ricardo Gutierrez qal li l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ilha tirċievi theddid fuq ħajjitha. F’kummenti fuq it-TV5Monde hu kien qal hekk: “it-theddid kienu ilhom ġranet għaddejjin. Tant hu hekk li dawn l-aħħar ħmistax marret hi stess għand il-Pulizija. Għandna kollega minn tagħna li intervistaha l-ġimgħa l-oħra u miegħu ma ħbiet xejn fuq dan it-theddid...”
 

Jiġifieri l-mistoqsija tibqa’; Min qal il-verità u min gideb? Jekk insolvu din, insiru nafu jekk fuq dan il-punt iż-żewġ assasinji humiex l-istess.

Protesti fl-Islovakkja wara l-qtil ta' Kuciak
Protesti fl-Islovakkja wara l-qtil ta' Kuciak

Simili: Protesti u messaġġi b’saħħithom

Kemm f’Malta kif ukoll fl-Islovakkja l-qtil wassal għal protesti pubbliċi minn eluf ta’ nies, kif jgħid ir-rapport “mhux biss madwar il-pajjiż kollu iżda imma wkoll fi bliet differenti madwar id-dinja.” Fil-fatt il-qtil ta’ Caruana Galizia kien imfakkar fi Brussell u Londra, fejn  hemm komunitajiet ta’ Maltin.

...u f'Malta wkoll
...u f'Malta wkoll

Simili: Ir-reazzjoni tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni

Ir-rapport joħroġ similaritajiet interessanti ħafna fir-reazzjoni tal-Gvern u l-membri tiegħu kif ukoll tal-oppożizzjoni għal dan il-qtil. Fil-fatt ir-rapport dwar l-Islovakkja jgħid kif il-PM, il-Ministru tal-Intern u l-President tal-Pulizija (bħall-Kummissarju tal-Pulizija Malti) ilkoll esprimew li huma kommessi bil-qawwi li jsibu min qatel lill-ġurnalist. F’Malta Muscat qal li mhu se jħalli xejn għaċ-ċans, “we will leave no stone unturned.”

Ta’ similarità pjuttost interessanti wkoll kien li kemm il-Gvern Malti u anke dak Slovakk offrew premju ta’ €1 miljun għal persuna jew persuni li jagħtu aktar informazzjoni fuq il-każ.

Kemm il-Kummissarju Malti f’dik il-famuża konferenza tal-aħbarijiet li attirat ħafna kritika, kif ukoll il-President tal-Pulizija Slovakk sostnew illi l-prijorità tagħhom f’dan il-każ huwa li jinqabdu dawk li wettqu dan l-att.

Anke r-reazzjoni tal-oppożizzjoni hija simili, fil-fatt meta l-MEPs tkellmu mal-PM Fico dan wera ruħu ddiżappuntat għal ċerti messaġġi li hu qal li huma ‘orribbli’ meta membri tal-Gvern issejħu ‘qattiela’.

F’Malta wkoll ittellgħu messaġġi li membri tal-Gvern u dawk li jappoġġjawh ħassew li huma insulenti. Qed nirreferu għall-messaġġ li Malta hija stat tal-mafja.

Naturalment dan apparti l-għajta tal-Oppożizzjoni kontra l-korruzzjoni, simli ħafna għall-għajta tal-oppożizzjoni Nazzjonalista f’pajjiżna.

L-Oppożizzjoni, fil-forma ta’ għaqdiet non-governattivi kkritikat il-ħatriet fil-Korp tal-Pulizija fl-Islovakkja wkoll u qalet illi dawn huma mill-aktar politiċizzati. Kritika li saret hawn Malta wkoll mis-Civil Society Network.

Simili: Jinġiebu Pulizija minn barra...

Għal darb’oħra xi ħaġa li hija simili ħafna bejn iż-żewġ pajjiżi f’dak li jirrigwarda ż-żewġ delitti huwa li kemm lokalment u anke l-Islovakkja ddaħħlu Pulizija barranija.

Fil-fatt, eżattament bħal Malta, iddaħħlu biex isegwu l-każ l-FBI, Scotland Yard u l-Europol. 

Daphen Caruana galizia ma' binha Matthew
Daphen Caruana galizia ma' binha Matthew

Simili; Il-familja m’għandhiex fiduċja fil-Pulizija

Il-familja Caruana Galizia mill-ewwel urew li m’għandhomx fiduċja fil-Korp tal-Pulizia u b’mod speċjali fil-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Tant hu hekk li ftit biss wara li nqatlet Daphne Caruana Galizia, binha Matthew sostna hekk:She is dead. She is dead because of your (il-pulizija) incompetence.” Yes, incompetence and negligence that resulted in a failure to prevent this from happening.

Fl-Islovakkja omm Martina, li nqatlet flimkien ma’ Jan, pubblikament stqarret illi m’għandha ebda fiduċja fl-investigazzjoni li għaddejja biha l-Pulizija  Slovakka.

Differenti: Il-midja

Il-midja b’mod ġenerali lagħbet parti importanti ħafna fiż-żewġ każijiet. Minkejja l-akkużi illi l-qtil innifsu kien attakk fuq il-midja sħiħa, jidher illi fl-Islovakkja s-sitwazzjoni tal-midja hija differenti minn ta’ Malta; fil-fatt hija, skont ir-rapport, pjuttost ħażina.

‘Teżisti atmosfera kontra l-ġurnalisti’ jgħid ir-rapport xi ħaġa li f’Malta teżisti imma fost faxex żgħar ħafna ta’ nies. “L-għaqdiet non-governattivi huma mhedda,” xi ħaġa li mhux il-każ lokalment, filwaqt li ssemma l-attakk dirett tal-PM Fico fuq ġurnalisti, xi ħaġa li lokalment Muscat (għallinqas fil-pubbliku) qatt m’għamel.

Ir-rapport jgħid ukoll li ttieħdu passi kriminali kontra ġurnalisti li ppubblikaw informazzjoni li kellhom.

Dan ma jfissirx imma li s-sitwazzjoni f’Malta hija ward u żahar, hekk kif hu mifhum li entità privata, il-Bank Pilatus, fetaħ libelli barra mill-pajjiż kontra tliet kmamar tal-aħbarijiet. Il-fatt li fetaħ dawn il-libelli barra mill-pajjiż b’danni li jistgħu jeċċedu l-$40 miljun, hija inkwetanti. Id-Deputat Jason Azzopardi ressaq mozzjoni biex Malta tilleġisla kontra proċeduri ta’ libell, magħrufin bħala SLAPP.

L-aktar każ magħruf li qajjem furur kienet it-talba għall-mandat ta’ sekwestru ta’ €46,000 fuq l-assi ta’ Daphne Caruana Galizia mill-Ministru Chris Cardona.

Differenti; Arresti

S’issa f’Malta kienu arrestati tliet persuni  b’konnessjoni mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat u bdew proċeduri fil-Qorti. Dawn it-tliet persuni qatt ma ssemmew mill-istess blogger fil-blogg tagħha ‘Running Commentary’ u allura hu mifhum li hemm mandatur warajhom li għadu mhux magħruf.  

Fl-Islovakkja saru arresti, imma nhar it-3 ta’ Marzu, nhar il-funeral ta’ Kuciak, il-Pulizija ħelset lil dawn is-seba’ kollha hekk kif kien jidher allura li ma kienx hemm bażi tajba biżżejjed biex jinfetħu proċeduri kontrihom.

Differenti; Riżenji politiċi

F’Malta ħadd ma rreżenja fid-dawl tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bl-argument ikun illi ladarba ġew arrestati l-ewwel nies u allura bdew il-proċeduri l-ġustizzja bdiet il-kors tagħha.

Min-naħa l-oħra fl-Islovakkja l-ewwel riżenja ġiet mill-Ministru tal-Kultura Marek Madaric. Iktar kmieni din il-ġimgħa l-PM Slovakk Robert Fico indika li fid-dawl ta’ protesti kbar hu lest li jirreżenja (sakemm kien qed jinkiteb dan l-artiklu kien għadu ma rreżenjax).

Il-PM tas-Islovakkja Robert Fico
Il-PM tas-Islovakkja Robert Fico

More in Politika