Traġedja Żurrieq | Irrappurtat li x-xufier inħareġ mill-isptar taħt arrest

  • 41 persuna jinħarġu mill-Isptar
  • Erba' għadhom f'qagħda kritika

Skont rapporti fuq midja lokali ż-żagħżugħ li kien qed isuq id-double-decker involuta fl-inċident fatali taż-Żurrieq ħareġ mill-Isptar Mater Dei taħt arrest.

Skont sorsi li tkellmu mas-sit Times of Malta, iż-żagħżugħ, li għandu 24 sena, kien "imkisser."

Intant, f'kummenti ma' diversi midja, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li 41 persuna li ddaħħlu l-isptar wara l-inċident inħarġu dalgħodu.

Disa' għadhom rikoverati fl-Isptar Mater Dei, erba' minnhom fit-taqsima tal-kura intensiva.

Fost dawk li jinsabu f'qagħda kritika hemm żewġt itfal.

Dalgħodu, mal-Illum.com.mt, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar qal li se jkunu qed isiru testijiet fuq il-pazjenti u jittieħdu deċiżjoniiet kliniċi.

Mhux eskluż li jsiru xi operazzjonijiet oħra, wara li lbieraħ wieħed mill-pazjenti kellha ssirlu operazzjoni maġġuri fis-sinsla ta' dahru.

Intant, fi stqarrija, il-Ministeru għat-Turiżmu qal li waqqaf servizz ta' sapport fi ħdan l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu biex jgħin lill-vittmi u lil dawk kollha li esperjenzaw dan l-inċident.

Bħalissa dan is-servizz qiegħed f'kuntatt mal-vittmi  u anke mal-qraba tagħhom biex jipprovdilhom l-għajnuna kollha li għandhom bżonn.

Għaldaqstant twqqaf helpline 22915405 jew inkella wieħed jista' jibgħat imejl fuq [email protected].

More in Politika