Embrijuni ffriżati sakemm l-omm ikollha 43 sena; Wara jingħataw għall-adozzjoni
Din hija waħda mill-bidliet li qed jitħejjew bħalissa biex tkun emendata l-liġi dwar l-IVF
More in Politika
Din hija waħda mill-bidliet li qed jitħejjew bħalissa biex tkun emendata l-liġi dwar l-IVF
L-iffriżar tal-embrijun u d-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda tal-mara, se jkunu permessibbi jekk il-ġenituri jaqblu li jagħtu l-embrijuni li ma jintużawx għall-adozzjoni.
Dan kien irrappurta mill-MaltaToday hekk kif bħalissa qed jitħejjew tibdiliet fil-liġi dwar l-IVF.
Il-ġenituri prospettivi se jingħataw ‘permess’ minn regolatur biex l-embrijuni tagħhom ikunu ffriżati. Dan il-permess jista’ jkun estiż sakemm l-omm ikollha 43 sena.
Sorsi, li tkellmu ma’ din il-gazzetta qalu li dan il-perjodu jagħti biżżejjed żmien lill-koppja biex tuża l-embrijuni ffriżati, iżda jekk jiddeċiedu li ma jestendux il-permess, jew jekk l-omm tagħlaq 43 sena, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun tagħti dawn l-embrijuni għall-adozzjoni.
L-istess liġi se tkun qed tistipola li dawn il-ġenituri, li qabel jibdew it-trattament, ma jaqblux li jagħtu l-embrijuni għall-adozzjoni, mhux se jingħataw permess li jiffertilizzaw aktar minn żewġ bajdiet.
Dan ifisser li kull embrijun iffertilizzat jiġi implantat fil-ġuf tal-mara, kif jiġri sal-lum.
Il-liġi kif inhi bħalissa tippermetti l-iffriżar tal-embrijuni f’każijiet rari biss, fosthom meta l-bajd iffertilizzat ma jkunux jistgħu jiġu implantati fil-ġuf, bħal meta l-omm ikollha aċċident qabel il-proċess tal-implantazzjoni.
Fost il-bidliet radikali oħra li se jkunu proposti, hemm dik dwar l-introduzzjoni tad-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda. Din id-donazzjoni tagħmilha possibbli biex koppji lesbjani u koppji infertili jkun jista’ jkollhom it-tfal.
Il-Gvern kien wiegħed din il-bidla fil-programm elettorali tiegħu, wara li tentattiv fil-leġislatura li għaddiet falla. Fost id-Deputati li kienu qed jopponu l-iffriżar tal-embrijun kien hemm l-eks Ministru George Vella.
Il-ġimgħa li għaddiet bdiet ukoll petizzjoni parlamentari li ssejjaħ lill-Membri Parlamentari biex ma jbiddlux il-liġi. S’issa din ġa għandha 1,016-il firma.