Qtil Daphne | Rapporti li l-Ministru Cardona deher jixrob mal-Fulu f'Novembru

Rapporti mill-Proġett Daphne jgħidu li l-akkużati kienu infurmati minn qabel li l-arrest tagħhom kien imminenti 

L-ebda politiku Malti ma kien interrogat fl-investigazzjoni b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u dan minkejja allegazzjonjiet li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona kien jiffrekwenta l-istess bar fis-Siġġiewi li fih kien ikun hemm ta’ spiss Alfred Degiorgio, il-Fulu, wieħed mill-akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Rapporti, kemm fuq in-New York Times, The Guardian u anke fuq it-Times of Malta jgħidu li kienet il-familja ta’ Caruana Galizia li għaddiet din l-investigazzjoni lill-Maġistrat Inkwerenti, Anthony Vella.

Skont l-istess siti tal-aħbarijiet, sorsi li tkellmu mal-ġurnalisti minn Daphne Project, il-Ministru Cardona deher jixrob mal-Fulu f'Novembru.

Cardona kien deskritt bħala “viżitatur regolari” tal-istess bar fi tmiem il-ġimgħa.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Cardona qal li ma jiftakarx li xorob ma’ xi wieħed mill-akkużati.

“Bħal kull avukat ieħor f’Malta, jiena naf uħud mis-suspettati. Il-bar li qed issemmu jilqa’ fih klijenti minn kull sfera tal-ħajja, fosthom anke politiċi,” saħaq Cardona. “Ma niftakarx li kelli xi diskussjoni ma’ wieħed minn dawn l-individwi u assolutament qatt ma kelli laqgħa magħhom. Allegazzjonijiet oħra huma xniegħat u spekulazzjoni.”

Ir-rapporti qed jisħqu wkoll li t-tliet akkużati kienu infurmati minn qabel li l-arrest tagħhom kien imminenti.

Kemm l-aħwa Degiorgio u anke Vincent Muscat (il-Koħħu) qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.

Ma niftakarx li kelli xi diskussjoni ma’ wieħed minn dawn l-individwi Ministru Chris Cardona

Ġurnalisti undercover iżuru l-bar fis-Siġġiewi

Tim ta’ ġurnalisti minn France 2 u Radio France żaru dan il-bar u kkonferma ma’ klijent tal-bar li Cardona jkun ta’ spiss hemm.

Wieħed mis-suspettati mar fl-istess bar ġurnata qabel l-arrest li seħħ fl-4 ta’ Diċembru li għadda.  Klijenti qalu lill-ġurnalisti, li kienu undercover, li Cardona ma kienx hemm dakinhar.

Dan il-klijent partikolari ma qalx ma’ min iltaqa’ Cardona jew inkella ma min iltaqa’ s-suspettat fil-lejl ta’ qabel ġie arrestat.

Cardona u l-Fulu 'jixorbu flimkien" u "joħorġu mill-bar flimkien"

It-tieni xhud, li tlaqqa’ mal-ġurnalisti minn “uffiċjal għoli tal-Partit Nazzjonalista, għadda aktar dettalji lill-ġurnalisti, fosthom li kien ra lill-Ministru Cardona u lil-Fulu jixorbu flimkien f’Novembru.

L-istess xhud qal li ra lil Cardona u lil Degiorgio jixorbu flimkien u wara ftit tal-ħin ħarġu flimkien mill-bar.

Din kienet l-ewwel darba li rahom flimkien.

Jidher li anke l-Prim Ministru Joseph Muscat iffaċċja mistoqsijiet dwar dawn l-allegazzjonijiet u wieġeb: “ippubblikat din l-informazzjoni.”

Dan is-sit għamel kuntatt ma' Kelliema tal-Ministeru li jmexxi Cardona, iżda din qalet li l-Ministru m'għandux iktar xi jżid ma' dak li diġa ntqal. 

Cardona u Daphne...

Il-Ministru Cardona u Daphne Caruana Galiza għandhom storja taħraq bejniethom, hekk kif Caruana Galizia kienet akkużat lil Cardona illi waqt xogħol Ministerjali fil-Ġermanja kien attenda burdell bl-isem ta’ Acapulco flimkien ma’ xi membri tal-istaff tiegħu. Cardona kien fetaħ mandat ta’ sekwestru ta’ €46,000 kontra l-istess ġurnalista.

Minn hemmhekk bdew numru ta’ protesti organizzati mill-Partit Nazzjonalista f’dik li kienu allegaw illi kienet theddida għall-libertà tal-espressjoni.

L-allegazzjonijiet serji li saru fil-konfront tal-Ministru Cardona ma jistgħux jitħallew għaddejjin qisu m'huma xejn. Partit Nazzjonalista

Cardona u Delia.....

Intant is-sit Maltatoday kien żvela dokumenti li kienu juru illi Chris Cardona kien direttur tal-Kumpanija Healey Stories flimkien mal-kap tal-Oppożizzjoniu kienu rreżenjaw mit-tmexxija ta' din il-kumpanija. 

Delia wkoll kien fiċ-ċentru ta' attakki minn Caruana Galzia fuq allegat kont li kien,allegatament f'isem Delia u li minnu hi kienet allegat li kienu għaddejjin flus mill-prostituzzjoni

"L-awtur tal-assassinju qed ikun protett" - Peter Caruana Galizia

Intant, f’intervista ma’ The Guardian, ir-raġel ta’ Daphne, Peter Caruana Galizia, qal li l-familja kollha temmen li t-tliet akkużati kienu qed jirċievu ordnijiet minn Malta stess u anke wera t-tħassib tiegħu għall-fatt li “elementi mill-Gvern” jista’ jkun li qed jipproteġu lill-awtur tal-qtil.

Fl-ewwel intervista mill-qtil ta' martu, Caruana Galizia tefa' dubju fuq kemm verament il-Gvern irid jistabilixxi minn bagħat lit-tliet akkużati, "għax jibża' li dawn il-persuni huma viċin ħafna l-Gvern tagħha. Minħabba f'hekk jista' jkun li qatt ma nsiru nafu l-verità."

PN: 'Joseph Muscat irid jieħu d-deċiżjonijiet biex ir-reputazzjoni ta' pajjiżna tibqa' mħarsa'

Intant ilejla l-Kap tal-Oppozizzjoni Adrian Delia llejla talab lill-Gvern jagħti spjega ċara u mingħajr ħabi dwar dak li qed ikun allegat dwar il-Ministru Cardona 

"L-aħbar li għadha kif ippubblikat it-Times, li hi parti mill-konsorzju internazzjonali ta' 18-il organizzazzjoni tal-midja, hija waħda serja ħafna u hi konnessa mall-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u ghaldaqstant timmerita investigazzjoni serja u tweġibiet serji.

"Il-Partit Nazzjonalista qed jesiġi li minnufih ssir investigazzjoni serja, indipendenti u kredibbli mingħajr kull indħil politiku. L-allegazzjonijiet serji li saru fil-konfront tal-Ministru Cardona ma jistgħux jitħallew għaddejjin qisu m'huma xejn. In-nies jistħoqqilhom li jkunu jafu l-verità kollha fuq dawn l-allegazzjonijiet."

Il-Partit Nazzjoanlista qed jitlob biex il-Gvern joħroġ il-verità kollha biex ma tibqax issir aktar ħsara lir-reputazzjoni ta' Malta bl-aġir u bil-ħabi tal-Gvern u b'attitudni ta' impunità. Dan hekk kif l-għajnejn tad-dinja kollha issa jinsabu fuq pajjiżna.

Dan huwa l-mument li fih Joseph Muscat irid jieħu d-deċiżjonijiet biex ir-reputazzjoni ta' pajjiżna tibqa' mħarsa, u biex ma jintilifx l-investiment u x-xogħol tan-nies għaliex nidhru li aħna pajjiż fejn qed tirrenja l-impunità. 

Aqra wkoll x'kienu qalu diversi persuni mal-ILLUM dwar il-mandat ta' sekwestru

Ara x'kien qal il-Ministru Chris Cardona dwar Daphne Caruana Galizia mal-ILLUM

 

More in Politika