Il-Proġett Daphne jallega li l-familja Aliyev użat il-Pilatus għal 'investimenti sigrieti'
L-għan tas-sinjuruni mill-Ażerbajġan, skont il-ġurnalisti internazzjonali, huwa li jużaw il-Bank biex ikunu jistgħu jgħaddu flus l-Ewropa biex ikompli jħaxxnu buthom
minn Yendrick Cioffi
Network ta’ 50 kumpanija u trusts, li s-sidien sigrieti tagħhom huma persuni influwenti fl-Ażerbajġan, użaw kontijiet fil-Bank Pilatus biex ikunu jistgħu jgħaddu miljuni ta’ ewro madwar l-Ewropa.
L-għan tas-sinjuruni mill-Ażerbajġan, skont il-ġurnalisti internazzjonali, huwa li jużaw il-Bank biex ikunu jistgħu jgħaddu flus l-Ewropa biex ikompli jħaxxnu buthom bix-xiri ta’ proprjetajiet, lukandi u negozji.
Sorsi kkonfermaw ukoll dak li dejjem qalet Caruana Galizia, jiġifieri li fost il-klijenti tal-bank hemm it-tfal tal-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev.
L-istess sorsi qalu mal-ġurnalisti li t-tfal tal-Ministru tal-Ażerbajġan għas-Sitwazzjonijiet ta’ Emerġenza, Kamaladdin Heydarov ukoll kellu kont f’Pilatus.
Din hija t-tielet storja ppubblikata minn Forbidden Stories bħala parti mill-Proġett Daphne li ġab flimkien 18-il kamra tal-aħbarijiet internazzjonali, fosthom Reuters, The Guardian, in-New York Times u t-Times of Malta, bil-għan li jkompli fejn ħalliet Daphne Caruana Galizia.
Il-'whistleblower' Russa Maria Efimova, kienet spjegat lil numru ta' MEPs illi l-bank Pilatus kien qed jopera, "l-aktar fuq il-bażi ta' depożiti minn zewġ jew tliet kljienti mill-Ażerbajġan, fost diversi Persuni Esposti Politikament (PEPs) oħrajn.
Sorsi li tkellmu ma’ Reuters qal li sal-2016, aktar minn 60 kont infetħu għat-tfal ta’ persuni prominenti fl-Ażerbajġan.
Assi li għandhom x’jaqsmu ma’ dan in-network tal-kumpaniji jinkludu l-lukanda ta’ ħames stilel Sofitel u anke Spa li jinsab f’Palm Island f’Dubaj. Jinkludu wkoll żewġ propjetajiet kbar f’Londra li jiswew €18 il-miljun, €26 miljun f’proprjetajiet fi Spanja u investiment ta' €10 f’fabbriki Franċiżi li fost oħrajn jipproduċu l-porċellana, lożor tal-linen u figurini tal-ismurfs.
Intant, dejjem skont l-istess Proġett Daphne, it-tfal ta’ Aliyev ma weġbux meta ntalbu jikkummentaw fuq dawn l-allegazzjonijiet.
Il-PM fl-Ażerbajġan, Egrant, Keith Schembri u Hasheminejad
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien żar l-Ażerbajġan lura fl-2014 biex jiltaqa' ma' Aliyev. Huwa kien akkumpanjat miċ-Chief of Staff Keith Schembri u l-Ministru għall-Enerġija (dak iż-żmien) Konrad Mizzi. Il-midja ma kinitx mistiedna.
Il-Bank Pilatus sar l-aktar magħruf f'Malta meta Maria Efimova kienet qalet li rat dokumenti li juru li l-kumpanija Egrant fil-Panama hija ta' mart il-Prim Ministru, Michelle Muscat.
Caruana Galizia kienet qalet ukoll li Egrant kienet irċeviet pagament ta' $1 million mill-familja ta' Aliyev.
Il-Prim Ministru u martu dejjem ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet, bil-Prim Ministru jitlob inkjesta maġisterjali li għadha għaddejja u li magħha rabat il-futur politiku tiegħu.
Kienet ħarġet ukoll l-aħbar li ċ-Chief of Staff Keith Schembri huwa klijent tal-bank u kien allegat li uża l-kont f'Pilatus biex fih jirċievi kommissjonijiet mingħand Brian Tonna għall-bejgħ tal-passaporti.
It-tnejn li huma ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet jisħqu li l-pagament ta' €100,000 kien sar wara li Schembri sellef xi flus lill-awditur tiegħu.
Intant, iċ-Ċermen tal-Bank Pilatus bħalissa jinsab arrestat fl-Istati Uniti u jista' jeħel sa 125 sena ħabs. Ali Sadr Hasheminejad qed ikun akkużat, fost oħrajn, li pprova jevadi sanzjonijiet tal-Amerika fuq l-Iran.
L-ewwel passi li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji ħadet kontra s-sid tal-Bank Pilatus kien dakinhar stess li sar magħruf li Hasheminejad kien arrestat fl-Istati Uniti.
L-MFSA ma ssospenditx il-liċenzja tal-Bank iżda minflok talbet li Hasheminejad ikun sospiż u jitneħħa minn kull pożizzjoni fil-Bank. Ordnat ukoll li Hasheminejad ma jitħalliex jagħmel tranżazzjonijiet bankarji u lanqas xi ħadd li indirettament jew direttament għandu konnessjoni miegħu. Wara li tneħħa Hasheminejad, l-MFSA ħatret lil Lawrence Connell, eks regolatur finanzjarju fl-Istati Uniti, biex jamministra l-assi u t-tmexxija tal-bank.
L-MFSA kienet qalet mal-ILLUM li meta tirċievi applikazzjoni biex istituzzjoni finanzjarja tingħata liċenzja, il-proċess ta’ valutazzjoni, jinkludi wkoll verifiki fuq il-kompetenza u l-integrità tal-persuni kkonċernati, inklużi d-diretturi, l-uffiċjali ewlenin u sidien diretti u indiretti.
Dan ifisser li Hasheminejad għadda mit-test tal-integrità u l-kompetenza hekk kif fl-2014 ingħata l-liċenzja biex jopera l-Bank f’Malta.
Għalkemm l-akkużi li qed jaffaċċja Hasheminejad ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-Bank Pilatus, Hasheminejad beda l-proċess biex japplika għal-liċenzja tal-Bank f’Malta, fl-istess żmien li kien qed jevadi s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti u kien qed ikun investigat mill-Awtoritajiet Amerikani.