Patri Mark Montebello fetaħ il-kanuni fuq l-istrateġija li qed tuża l-Knisja Kattolika fil-konfront tal-kwistjoni tal-IVF. Minkejja li qal li mhux qed jgħaddi ġudizzju dwar il-messaġġ tal-Knisja huwa kien skjaċċanti ferm fil-kritika tiegħu.
F'artiklu li kien ippublikat fuq il-gazzetta The Times illum, Montebello sostna li l-Knisja reġgħet qed tagħti l-impressjoni li hija istituzzjoni 'antika' u antikwata.
"Kull darba, ripetutament, l-istrateġija tal-kampanja tal-Knisja tispiċċa tagħti l-impressjoni li hija kontra drittijiet tal-minoranzi. Din id-darba," kompla Montebello f'referenza għall-kwistjoni tal-IVF, "qed nixhdu isteriżmu, argumenti simplistiċi, tattiċi ta' tbezziegħ, kruċjati, xenarji ta' apokalissi u frażijiet banali. U dan għadu l-bidu..."
F'dan il-punt fl-artiklu tiegħu Montebello qal li l-Knisja qed tidher antikwata, "irrazzjonali, intoleranti, intransiġenti u insensittiva."
Huwa akkuża lill-knisja Maltija illi mhux qed tifhem il-bżonn li tirriforma ruħha u għalhekk, skontu, qed tixtri l-estinzjoni tagħha stess.
Il-Knisja Kattolika qed topponi l-Liġi emendata mressqa mill-Gvern fuq il-premessa li l-ħajja tibda mill-konċepiment u allura hija immorali u mhux etika li ħajja umana tkun iffriżata, jew inkella li ssir għażla bejn ħajja u oħra. Flimkien mal-Knisja l-PN ukoll qed jopponi dawn il-bidliet.