Il-Kummissjoni Elettorali tingħata d-dritt biex tkompli tinvestiga lill-PN

Il-PN kien akkużat li qed jikser il-liġi meta s-sid ta’ db Group kien qal li ntalab iħallas żewġ pagi ta’ uffiċjali eżekuttivi tal-Partit Nazzjonalista

Il-Qorti llum ċaħdet dikjarazzjoni tal-Partit Nazzjonalista li l-Kummissjoni Elettorali ma tistax tinvestiga allegazzjonijiet ta’ ksur tar-regoli tal-finanzjament tal-partiti politiċi.

F’Marzu tas-sena li għaddiet, il-Partit Nazzjonalista kien akkużat li qed jikser il-liġi meta s-sid ta’ db Group, Silvio Debono, kien qal li ntalab iħallas żewġ pagi ta’ uffiċjali eżekuttivi tal-Partit Nazzjonalista, permezz ta’ donazzjonijiet lill-kumpanija tal-midja tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kummissjoni Elettorali kienet waqqfet bord biex jinvestiga każijiet ta’ ksur ta’ din il-liġi.

Il-Partit Nazzjonalista, min-naħa tiegħu kien oġġezzjona, bl-eks Kap tal-Oppożizzjoni jinsisti li l-Kummissjoni Ewropea ma tistax tkun il-ġudikant u tieħu d-deċiżjonijiet hi fl-istess ħin.

Kien saħansitra saħaq li l-investigazzjoni tal-Kummissjoni Elettorali tmur kontra l-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittjiet tal-Bniedem, aktar u aktar għax qatt ma kien infurmat formalment bl-investigazzjoni.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet: “il-Kummissjoni Elettorali hija mwaqqfa bil-Kostituzzjoni, b’għanijiet stabbiliti mill-Kostituzzjoni stess, u hija organu indipendenti u imparzjali li joffri l-garanziji meħtieġa. Il-Qorti tisħaq illi fil-każ tal-lum ma tressqux provi magħmula minn fatti oġġettivi, aċċertati u relevanti li b’xi mod ixejnu l-fehma tagħha.”

Il-Qorti Kostituzzjonali nnutat ukoll li l-proċeduri mhumiex konklużi u l-Partit Nazzjonalista jista’ jappella minn kwalunkwe deċiżjoni quddiem il-Qorti Ċivili.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern appella lill-Partit Nazzjonalista biex jikkopera mal-Kummissjoni Elettorali fil-proċeduri li kienet bdiet dwar l-allegazzjonijiet serji ta’ ksur tar-regoli tal-finanzjament tal-partiti politiċi.  

More in Politika