20 każin tal-banda taħt il-mannara
....Żmien ta’ taqlib għall-każini tal-banda. Wieħed żgumbrat, minn tal-inqas tlieta oħra quddiem il-Qorti u deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tista’ sservi ta’ preċedent ikrah għal 20 każin
minn Yendrick Cioffi
Wara li din il-ġimgħa l-Qorti ordnat lis-Soċjetà Filarmonika GM Fra. Antoine De Paule biex sa Settembru toħroġ mill-Każin li kienet ilha tikri għal għexieren tas-snin, għajnejn diversi dilettanti tal-festa daru fuq il-każini tal-baned mifruxa kważi f’kull lokalità f’Malta u Għawdex.
Il-gazzetta ILLUM għamlet l-istess mistoqsija li għamlu ħafna. Jekk is-sidien, tal-binjiet li qed jinkrew lis-soċjetajiet mużikali, jiddeċiedu li jieħdu passi bil-liġi għax mhux qed jieħdu biżżejjed kirja mill-proprjetajiet, x’se jsir mill-każini tal-baned? Kieku kellu jiġri hekk, 20 każin tal-banda jkunu taħt il-mannara.
Minn informazzjoni li l-gazzetta kisbet mill-Għaqda Każini tal-Baned, 20 każin tal-banda huwa mikri mingħand il-privat. Fost dawn hemm uħud mill-akbar każini tal-baned, bħal dawk ta’ San Gejtanu u San Ġużepp tal-Ħamrun, iż-żewġ każini tal-baned Mostin, il-każin tal-Banda Duke of Connaught’s ta’ Birkirkara u anke l-każin tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici ta’ Ħal Qormi.
Anke jekk il-maġġoranza ta’ dawn il-każini għandhom il-kirja protetta, għax ta’ qabel l-1995, hemm argumenti oħra li s-sidien jistgħu jagħmlu u kif jgħid il-Malti, isallbu lil dawn l-għaqdiet volontarji li huma r-ruħ tal-Festa Maltija u li minkejja s-servizz kulturali u mużikali tagħhom, l-uniku qligħ ġej minn xi bar jew xi attività organizzata mill-voluntiera.
Uħud, minn dawn il-każini tal-baned diġà qed jaffaċċjaw każijiet pendenti l-Qorti, fosthom l-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun u l-Għaqda Mużikali Duke of Connaught’s. L-Għaqda Mużikali San Leonardu diġà għaddiet minn xeba taqtigħ ta’ qalb, tant li minn jeddha kellha ssib sid alternattiv. Każ ieħor dwar il-proprjetà mikrija li fiha hemm is-sede tas-Soċjetà Filarmonika King’s Own tal-Belt Valletta, saħansitra spiċċa quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Ta’ De Paule tefgħu l-ġebla fuq saqajhom?
Iżda wieħed jeħtieġ jagħmel differenza bejn il-każ tas-Soċjetà Filarmonika GM Fra. Antoine De Paule u każijiet oħra li fihom is-sid jew is-sidien qed jargumentaw li nkisrilhom id-dritt bażiku li jgawdu l-proprjetà tagħhom
Fil-każ tal-Banda Kristu Re kollox idur madwar xogħlijiet strutturali li s-Soċjetà wettqet fil-bidu tas-snin disgħin bil-għan li jitkabbar il-każ. Sidien kienu fetħu kawża fl-1997 jargumentaw li skont il-kuntratt tal-kera, l-inkwilini (jiġifieri minn qed jikri) ma jistgħux jagħmlu alterazzjonijiet strutturali, jekk mhux bl-approvazzjoni tas-sidien.
Mal-gazzetta ILLUM, l-Avukat Bernard Grech spjega li għalkemm kirja tista’ tkun protetta, għax ta’ qabel l-1995, l-inkwilini jistgħu jitilfu “l-protezzjoni” tagħhom jekk ma jonorawx l-obbligi kollha tagħhom. F’dawn il-każ, il-Qorti ddeċidiet li s- Soċjetà Filarmonika GM Fra. Antoine De Paule naqset mill-obbligi tagħha.
Dwar dan tkellimna wkoll mas-Segretarju tas-Soċjetà Filarmonika, Gordon Dalli, li kkonferma li l-kuntratt jgħid iswed fuq l-abjad li x-xogħlijiet għandhom isiru mill-inkwilini iżda jkun infurmat is-sid.
Li ġara huwa li fl-1991 l-Banda kienet xtrat il-propjetà li nifdet mal-każin mingħand waħda mill-familji li tikri l-binja mingħandhom. Dalli saħaq li s-Soċjetà dejjem ikkommunikat ma’ din il-familja iżda mhux mas-sidien l-oħra li għandhom sehem fil-kirja.
Kien hawn li beda l-każ li wassal lill-Qorti tal-Appell biex tikkonferma s-sentenza tal-ewwel qorti u tordna lis-Soċjetà biex sa Settembru li ġej, inqas minn xahrejn wara l-festa ta’ Kristu Re, toħroġ mill-proprjetà. Dan apparti x-xogħlijiet li trid twettaq l-istess Soċjetà biex terġa’ treġġa’ l-binja għall-istat oriġinali tagħha, jiġifieri trid terġa’ ttella’ l-ħitan li waqqgħet biex tniffed mal-binja li xtrat.
Imma vera li De Paule se tispiċċa?
Minkejja li midja interpretat kumment tas-Segretarju u qalet li s-Soċjetà se tkun sospiża, mal-ILLUM Gordon Dalli insista li dan mhux minnu.
Fl-aħħar ta’ Mejju se tkun qed issir Laqgħa Straordinarja biex tkun diskussa s-sitwazzjoni, għalkemm Dalli kkonferma ma’ din il-gazzetta li se jiefqu immedjatament l-impenji li kellha s-Soċjetà.
Fost dawn, il-Banda mhux se tkun qed tieħu sehem fil-festa titulari ta’ Kristu Re li tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Lulju. L-għan huwa li jonqsu l-ispejjeż, filwaqt li kull dħul mill-attivitajiet organizzati minn diversi sezzjoniet tas-Soċjetà se jmorru kollha għal għan wieħed, jiġifieri li jinstab sid alternattiv. Għalissa se jieqaf ukoll ix-xogħol fuq il-planċier tal-banda li x-xogħol fuqu kien għaddej ġmielu.
Ma setgħux sabu sit alternattiv qabel?
Staqsejna wkoll lis-Segretarju dak li qed jistaqsu ħafna. Il-każ ilu għaddej 20 sena, ma stajtux ħsibtu minn qabel għal sit alternattiv?
Fit-tweġiba tiegħu, is-Segretarju kien skjett. “Għandna biex nixtru xi mkien ieħor imma dak huwa l-każin tal-banda,” saħaq Dalli waqt li tkellem fuq l-għadd ta’ anzjani li ta’ kuljum jintefgħu fil-każin, jieħdu birra u jgħidu kelma. “Filgħodu l-każin qisu day centre.”
Dwar jekk ħasbux li jixtru l-propjetà, is-Segretarju wieġeb li l-binja tiswa l-miljuni u l-banda ma taffordjahiex. Saħaq li anke sehem wieħed mill-kirja ppruvat tixtri imma “mhux affordabbli.”
Li hu żgur huwa li l-għan tas-Soċjetà huwa li tixtri binja fil-pjazza ta’ Raħal Ġdid iżda lanqas dan mhux se jkun faċli, kemm minħabba l-prezzijiet u anke minħabba li ma tantx hemm postijiet vakanti.
Il-Każin ta’ Stella Maris ukoll il-Qorti...
Is-Soċjetà Filarmonika Stella Maris ta’ Tas-Sliema wkoll qed tistenna l-Qorti tal-Appell biex tiddeċiedi dwar każ, minkejja li l-każin qiegħed f’joint office.
Il-kawża nfetħet mis-sidien li ċ-ċens tagħhom jagħlaq 8 snin oħra u kollox idur ma’ xogħlijiet li l-każin wettaq fuq kmamar tal-bejt. L-argument tas-sidien huwa li l-każin wettaq xogħlijiet strutturali mingħajr il-permess tagħhom u tal-Awtorità Kompetenti.
L-Ewwel Qorti kienet iddeċidiet favur il-Każin waqt li nnuttat li minflok diversi kmamar żgħar kienet inbniet kamra waħda iżda ma nbeniex aktar minn dak li diġà kien hemm. Apparti minn hekk innutat li kien hemm bżonn xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq dawn il-kmamar, dawn saru minn min qed jikri u huma ta’ benefiċċju għas-sid.
Kien għalhekk li l-Qorti ddeċidiet li “a bazi ta’ tali xogħolijiet ir-rikorrenti ma kellhom l-ebda jedd illi jirrifjutaw il-kera. Mhux biss iżda konsegwentament lanqas għandhom jedd jitolbu li ma jġeddux il-kirja u li jiżgumbraw lill-intimat.”
Għalkemm għall-kuntarju tal-każ De Paule l-Ewwel Qorti ddeċidiet favur is-Soċjetà Filarmonika, wieħed jistenna u jara x’se tiddeċiedi l-Qorti tal-Appell.
Jekk qabel l-1995 protetti...iżda biżżejjed?
Il-Liġi tal-Kera tgħid iswed fuq l-abjad li kirjiet li kienu bdew qabel l-1995 huma protetti u għalhekk l-inkwilini għandhom dritt li jibqgħu fil-proprjetà, kif għidna aktar ‘il fuq, sakemm jimxu mal-obbligi kollha tagħhom.
Dr Bernard Grech spjega li permezz ta’ din il-liġi, il-każini tal-baned baqgħu protetti, anke għax ma kinux ġew inklużi mal-kirjiet kummerċjali. Fil-każ tal-kirjiet kummerċjali, apparti li għoliet il-kera, il-liġi tistipola li “l-kera ta’ fond kummerċjali, li jkun beda qabel l-1 ta’ Ġunju, 1995 għandu f’kull każ jintemm fi żmien għoxrin sena li jibdew jgħaddu mill-1 ta’ Ġunju, 2008 sakemm ma jkunx sar kuntratt ta’ kiri li jistipola żmien determinat.”
Iżda għall-każini tal-baned, il-liġi tkompli tagħmilha ċara li “fil-każ ta’ fond mikri lill-entità u wżat bħala każin,” sakemm il-kuntratt li sar qabel l-1 ta’ Ġunju, 1995 ma jkunx għal żmien determinat, allura “fil-każijiet l-oħra kollha meta l-kirja tkun saret qabel l-1 ta’ Ġunju, 1995, għandha tibqa’ tgħodd il-liġi u d-definizzjonijiet kollha kif kienu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Ġunju, 1995.”
Iżda hawn jidħol każ ieħor imsemmi aktar ‘il fuq. Filwaqt li fil-każ tal-Każin De Paule, il-kirja twaqqfet ħesrem għax min qed jikri naqas mill-obbligi tiegħu, sid jista’ jagħżel li jipprova jieħu l-proprjetà lura, anke jekk il-kirja kienet qabel l-1995, billi jargumenta li qed jinkisirlu “d-dritt bażiku li tgawdi l-proprjetà tiegħek.”
Il-King’s Own u l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem
Dan l-argument mhux l-ewwel darba li ntuża. Fil-każ tas-Soċjetà Filarmonika King’s Own, is-sidien, wara li tilfu l-kawża f’Malta, ħadu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem jisħqu li qed jinkisrilhom “id-dritt bażiku li tgawdi l-proprjetà tiegħek.”
Lura fl-2013, il-Qorti Ċivili kienet ordnat lill-Gvern u l-Każin tal-Banda King’s Own biex iħallsu kumpens, nofs bin-nofs, ta’ €300,000 lis-sidien tal-binja prominenti li tinsab fi Triq ir-Repubblika.
Il-Qorti Kostituzzjonali kienet biddlet din is-sentenza u saħqet li ma kien hemm l-ebda ksur ta’ drittijiet fundamentali, waqt li saħqet li l-Gvern bl-ebda mod ma biddel xi liġi biex jaffettwa l-kuntratt ta’ kirja bejn s-sidien u l-Banda King’s Own, liema ftehim kien ilu fis-seħħ 70 sena.
Apparti minn hekk, l-istess sentenza insistiet li l-Banda ma kellha x’taqsam xejn mat-tfassil tal-liġijiet.
Is-sidien li kienu fetħu din il-kawża kienu qed jargumentaw kif minkejja li minn fuq il-kirja għaddew aktar minn 70 sena, il-Każin baqa’ jħallas ftit. Sa dak iż-żmien tal-kawża kien iħallas €1,164 fis-sena.
L-argument tas-sidien kien li l-kirja hija baxxa ħafna meta wieħed jikkunsidra l-valur arkitettoniku, kulturali u storiku tal-post, apparti l-pożizzjoni strateġika tiegħu u d-dħul tiegħu. Fil-Qorti kien irriżulta li mill-bar biss, il-Każin idaħħal €45,000 fis-sena.
Każ simili f’Ħal Kirkop...
L-Għaqda Mużika San Leonardo kienet għamlet snin tiela’ u nieżla l-Qorti meta s-sidt tal-proprjetà li kienet tintuża bħala każin kienet argumentat li nkisirlha d-dritt bażiku tagħha meta l-binja kienet ġiet rekwiżizzjonata fl-1955.
Is-sid kienet saħqet li hi qatt ma rrikonoxxiet lill-Għaqda Mużikali bħala inkwilin u spjegat li kienet qed tieħu biss Lm 30 kull sena mill-kirja.
Qorti kienet qatgħet is-sentenza favur is-sidt, l-Għaqda Mużikali ntalbet toħroġ u anke tħallas €60,000 f’kumpens.
Il-Qorti Kostituzzjonali kienet biddlet din is-sentenza waqt li argumentat li r-rekwiżizzjoni kienet saret fl-interess pubbliku.
Ta’ San Leonardo jaħsbulu...
Minkejja dan, l-Għaqda Mużikali San Leonardo ħasbitlu u xtrat biċċa art, fuq wara tal-knisja parrokkjali, biex tibni każin ġdid u jkun proprjetà tiegħu.
Bis-saħħa ta’ benefatturi xtraw biċċa art ta’ 300 metru kwadru li kienet tiswa €105,000. Id-Dipartiment tal-Artijiet kien tahom 25 metru kwadru oħra b’ċens għal 99 sena.
Il-Gvern kien diġà ħaseb għall-Każini u s-sidien...
Filwaqt li l-liġi tipproteġi dawk il-każini li kienu diġà jikru qabel l-1 ta’ Ġunju tal-1995, lura fl-2014 il-Gvern kien daħħal Avviż Legali biex filwaqt li jirrikonoxxi dak li qalet il-Qorti, jiġifieri li l-kirjiet protetti lill-każini kienu leġittimi, għaliex dawn jaqdu skop pubbliku, ikun ukoll qed jara li s-sidien kellhom jingħataw kumpens ġust u proporzjonat.
Permezz ta’ dan l-Avviż Legali, il-kirjiet protetti tal-każini (jiġifieri dawk ta’ qabel l-1995) għolew b’10% fuq il-kera tas-sena ta’ qabel għal tliet snin. Mill-2016, il-kera tal-każini bdiet togħla b’ħamsa fil-mija kull sena sal-2023.
L-Avviż Legali jgħodd għall-każini tal-baned, iżda anke għal dawk politiċi, sportivi u oħrajn, kemm jekk mikrija mill-Gvern u kemm jekk mikrija mill-privat.
L-istess Avviż Legali kien jistipola wkoll li ħamsa fil-mija tad-dħul li l-każin jagħmel minn kull attività ekonomika li seħħ fil-każin mikri, għandu jmur għand is-sid
Il-kirja tal-każini tista’ togħla aktar... imma għall-ġid
Intant sorsi viċin il-Gvern li tkellmu mal-gazzetta ILLUM qalu li l-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali qed jikkunsidra li jgħolli aktar il-kirja protetta tal-każini.
L-għan huwa li ma jiġrix dak li ġara fil-każ tal-Banda King’s Own, fejn is-sidien ħadu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem bil-possibbilità li din issib li l-kirja mħallsa mhijiex biżżejjed u għalhekk jkun qed jinkiser id-dritt tas-sid.
Il-biża’ hi li jekk is-sentenza tinqata’ favur is-sidien, sidien oħra li jikru l-proprjetajiet tagħhom lill-każini jiddeċiedu li jagħmlu l-istess.
Jekk tiddeċiedi favur is-sidien, il-Gvern ikollu jħallas lis-sid għax ikun hu li ma għolliex il-kirja biżżejjed.
Filwaqt li banda tista’ tħoss kirja akbar bħala daqqa ta’ ħarta, wieħed jeħtieġ ipoġġi kollox fuq miżien. Aħjar kirja akbar milli banda bla każin.
Liema każini huma taħt il-mannara?
- Banda San Ġiljan A.D. 1927
- Soċjetà Mużikali Spinola A.D. 1987
- Soċjetà Mużikali King’s Own
- Soċjetà Mużikali Stella Levantina A.D. 1984
- Għaqda Mużikali Viżitazzjoni
- Għaqda Soċjali u Mużikali Kristu Sultan Banda Paola A.D. 1980
- Soċjetà Mużikali Banda Marija Reġina Marsa A.D. 1977
- Soċjetà Mużikali San Ġużepp Ħamrun A.D. 1889
- Għaqda Mużikali San Gejtajnu Ħamrun A.D. 1906
- Għaqda Mużikali Madonna ta’ Pompei Marsaxlokk A.D. 1990
- Għaqda Soċjali u Mużikali Anici
- Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema L-Imġarr A.D. 2011
- Għaqda Mużikali Marija Bambina, Banda Vittorja, Naxxar
- Banda Duke of Connaught’s Own A.D. 1865
- Każin San Ġużepp u Banda De Rohan A.D. 1860
- Soċjetà Filarmonika Sliema A.D. 1923
- Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta
- Soċjetà Filarmonika Nicoló Isouard
- Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen
- Soċjetà Filarmonika Stella Maris (Joint Office)
- Għaqda Mużikali Madonna ta’ Lourdes San Ġwann (Joint Office)