Tribunal tal-Appelli tal-Awtorità tal-Ippjanar waqqa’ l-permess li kien ingħata għall-proġett ta’ Townsquare f’Tas-Sliema.
Fid-deċiżjoni tiegħu, it-Tribunal saħaq li l-proċess għandu jibda mill-bidu għax ma kienx sodisfatt l-istudji li saru dwar dan il-proġett. Ikkritika wkoll b’mod partikolari s-social impact assessment.
Lura fl-2016, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet approvat, b’seba’ voti favur u sitta konta, l-iżvilupp u l-bini ta’ torri ta’ 38 sular.
Il-proġett se jinkludi 159 residenza, 4,719 metru kwadru ta’ uffiċini, 8,241 metru kwadru ta’ spazju kummerċjali, 748 post għall-parkeġġ u jekk isir se jniżżel ismu bħala l-għola bini ta’ Malta.
Kien intqal kif permezz ta’ dan il-proġett, se jkunu qed jiżdiedu 3,500 karozza fit-toroq Slimiżi.
Ir-rapport dwar l-impatt ambjentali kien qal li r-residenti għandhom iżommhom it-twieqi magħluqa biex matul ix-xogħlijiet inaqqsu l-impatt tal-istorbju li kien se jkun għoli ftit mhux ħażin.
Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kellhom ikunu lesti fi żmien erba’ snin.