Il-Malti: 'Mhu qed nagħmlu xejn ġdid... Għaliex qed nitkellmu issa?'
X’qed ikun propost għall-Malti? X’se jsir ġdid? Se ndgħajfu t-tagħlim tal-Malti... iwieġeb Frank Fabri
minn Yendrick Cioffi
Is-Segretarju Parmenanti fi ħdan il-Minsteru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri, insista li ma jistax jifhem għaliex diversi esperti u professuri tal-Malti qed jilmentaw li jkun hawn sillabi differenti tal-Malti li jwasslu għall-istess ċertifikazzjoni tal-O Level.
Meta kien qed jitkellem mal-gazzetta ILLUM, Fabri insista li fl-MCAST ilu snin twal ikun mgħallem “Malti Vokazzjonali” u l-għan ta’ dan il-kors huwa li jwassal għaċ-ċertifikazzjoni tal-O Level, anke jekk l-istudenti jkunu ta’ età akbar.
Bl-istess mod argumenta li anke t-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija diġà jeżisti, tant li insista li f’Malta hawn professur speċjalizzata fuq it-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija.
L-uniku bidla li se tkun qed issir, spjega Fabri, hija li l-istess sillabi se jkunu mgħallma minn età iżgħar bil-għan tal-Ministeru jkun li jtejjeb il-livell u l-kwalità li bihom qed jiġi mgħallem il-Malti, filwaqt li jkun aċċessibbli għal kulħadd.
Tul id-diskussjoni, irrefera kemm-il darba għall-istatistika li turi kif 61% ta’ dawk li jpoġġu għall-O Level fil-Malti jiksbu grad minn wieħed sa ħamsa. Il-bqija, jiġifieri 39%, ma jgħaddux minn dan l-eżami.
“Tista’ tgħidli li 61% huwa numru mhux ħażin, imma aħna mhux kuntenti, aħna rridu aħjar,” insista s-Segretarju Permanenti.
Kien hawnhekk li saħaq “li jweġġa’” meta jisma argumenti “minn xi kwartieri” li jippruvaw jitfgħu dubju u jgħidu li bil-proposti l-ġodda għat-tagħlim tal-Malti se tkun qed titbaxxa l-kwalità.
“Għoxrin sena ilu kont ngħallem il-Malti. L-istess diskors ta’ dak iż-żmien qed ngħiduh illum... ejja jkollna sillabi aktar rilevanti fejn l-għalliema jkollhom aktar ħin biex jgħallmu u l-istudenti jieħdu gost jitgħallmu.”
Iżda x’qed ikun propost eżatt? X’se jkunu jinkludu dawn is-suġġetti? Min hu favur il-proposti tal-Ministeru? Kien hemm diskussjoni dwarhom? Fejn nista’ nidħol bil-Malti Applikat? Min jista’ jpoġġi għall-eżami tal-Malti bħala lingwa barranija?
Il-Malti bħala lingwa barranija... imma għall-barranin?
Ejja naqtgħulha rasha darba għal dejjem. Għal dan l-eżami min se jpoġġi? Dan is-sillabu se jkun miftuħ biss għall-istudenti barranin, fejn iż-żewġ ġenituri jkunu barranin.
Fabri spjega li student barrani se jkollu żewġ għażliet. Dan is-suġġett se jagħtih l-opportunità li jibda jistudja l-Malti u jekk jipprogressa jkun jista’ jaqleb is-sillabu u jidħol fil-klassi tal-Malti li “għandna llum.”
Saħaq li hemm differenza bejn studenti barranin li jibdew minn età żgħira jintegraw mal-Malti u studenti oħrajn li ġew Malta ta’ età akbar u qatt ma semgħu bil-Malti.
Jiġifieri dan se jkun obbligatorju? “Kull student li jidħol Malta jrid jistudja l-Malti. Kull min qiegħed fl-iskejjel tagħna jrid jistudja l-Malti.
U jekk jien Malti, imma l-mara tiegħi barranija, it-tfal tagħna x’se jistudjaw? “Bħala regola la hemm ġenitur wieħed li hu Malti ma jistax jistudja dan is-suġġett.”
IMMA... jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet. Fabri staqsa x’se jsir minn student, li għandu ġenitur wieħed biss Malti u fil-lezzjonijiet tal-Malti SEC ma jaqbadx art, bl-għalliem jilmenta li qed jaqa’ lura l-istudent u l-klassi miegħu.
“Xi ħadd irid jieħu deċiżjoni kemm għall-istudent u kemm għall-klassi. Irridu nkunu saqajna mal-art.”
Anke t-tfal tal-Maltin li jinsabu fi Brussell jistudjaw programm differenti tal-Malti u saħaq li s-Senat tal-Università jirrikonoxxih. “Poġġew saqajhom mal-art għax raw li l-importanza hija li t-tfal tagħhom jitgħallmu jitkellmu u jiktbu Malti tajjeb.”
U l-Malti Vokazzjonali? Malti inqas?
Ħafna mistoqsijiet daru wkoll madwar dak li qed jissejjaħ bħala “Malti Vokazzjonali” jew “Malti Applikat.” Imma dan xi jkun eżatt?
Apparti li dan is-suġġett diġà huwa mgħallem fl-MCAST, li se jiġri issa huwa li l-Malti Applikat se jkun offrut għall-istudenti anke fl-edukazzjoni sekondarja.
Fabri fakkar f’rapport tal-Kunsill tal-Ewropa, li ħareġ wara konsultazzjoni wiesgħa f’Malta u li jgħid iswed fuq l-abjad li Malta għandha bżonn it-tagħlim tal-Malti Vokazzjonali.
Imma dan il-Malti Vokazzjonali x’se jkollu differenti? Fabri spjega li dan se jkun Malti applikat li jikkumplimenta wkoll l-introduzzjoni ta’ aktar suġġetti vokazzjonali fl-iskejjel.
Jiġifieri dan se jkun Malti applikat fis-suġġetti vokazzjonali li student ikun qed jitgħallem. Jekk student ikun qed jitgħallem suġġett bħalma hu l-inġinerija mekkanika, il-Malti li jitgħallem se jkun qed isaħħaħ it-tagħlim li l-istudent qed jieħu fis-suġġett vokazzjonali.
Semma pajjiżi barra minn Malta, fosthom pajjiżi Ewropej fejn l-istudenti jingħataw l-opportunità li jagħżlu jew rotta vokazzjonali jew rotta akkademika.
“Ma aħna qed nagħmlu xejn ġdid... qed isir ħafna xogħol biex insiru parti mid-dinja. Fl-edukazzjoni bilfors trid tbiddel.”
‘Il-vokazzjonali se jkun ferm itqal’
Għal kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna, jiġifieri li s-suġġetti vokazzjonali, f’dan il-każ il-Malti se jkunu eħfef u l-istudenti se jidħlu għalihom għax jgħaddu żgur, fi kliem Frank Fabri l-esperjenza u l-evidenza turi mod ieħor.
“Nazzarda ngħid li l-vokazzjonali huwa ferm iktar diffiċli mill-akkademiku. Ferm aktar impenjattiv.”
Imma dan il-Malti vokazzjonali se jkun jinkludi grammatika u letteratura? Fabri insista li kwalunkwe student tal-Malti se jkun qed jitgħallem jikteb u jitkellem Malti tajjeb. Allura se jkun imħarreġ kif jibni kelma, sentenza u paragrafu, “iżda se jkun Malti ħafna aktar applikat milli teorija, għax se jkun għall-istudenti li jagħżlu r-rotta vokazzjonali.”
Iżda ħafna huma kontra...min hu favur?
Jibqa’ l-fatt li l-entitajiet kollha tal-Malti huma kontra l-proposta tal-Gvern li t-tliet sillabi tal-Malti jitpoġġew fuq l-istess livell, jiġifieri jkollhom l-istess ċertifikazzjoni.
Fost dawk kontra hemm l-Akkademja tal-Malti, id-Dipartiment tal-Malti fi ħdan l-Università, l-Għaqda tal-Malti, l-Għaqda Poeti Maltin u diversi professjonisti oħra tal-Lingwistika u li mhumiex speċjalizzati fil-Malti biss, fosthom il-Professur Ivan Callus mid-Dipartiment tal-Ingliż u Ġorġ Mallia mid-Dipartiment tal-Midja u l-Kommunikazzjoni.
Mas-sit Illum.com.mt, il-Kap tad-Dipartiment tal-Malti, Bernard Micallef, kien ċar meta qal li “ma jagħmilx sens” li tliet sillabi tal-Malti jitpoġġew fuq l-istess livell.
Jekk dawn l-esperti tal-Malti u tal-lingwa huma kontra....min hu favur? “Dak li qed ngħidu diġà qed isir,” saħaq Fabri waqt li fakkar li l-Learning Outcomes, li sar taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, jinkludi wkoll sillabu tal-Malti għall-barranin li jwassal għal-livell tas-SEC. “Kien hemm nies tal-Università involuti fih. Għaliex qed nitkellmu issa?”
Imma qabel ħarġu dawn il-proposti, kien hemm konsultazzjoni? Min kien favur dawn il-proposti?
“U żgur li kien hemm konsultazzjoni u min kien favur. Ma rrid nesponi lil ħadd. Meta għamilna pubblika l-pożizzjoni tagħna, fuq il-mejda konna l-Ministru, jiena u professur,” saħaq Fabri. “Ma għandniex ċans noqogħdu ngħoddu min hu favur.”
Fakkar ukoll li l-proposti mhux jitkellmu biss dwar il-Malti bħala suġġett imma fuq it-tagħlim tal-Malti. Filwaqt li japprezza l-opinjoni ta’ Bernard Micallef, fakkar kif ’il barra mill-Fakultà tal-Arti hemm il-Fakultà tal-Edukazzjoni li tinkludi fiha professuri li huma speċjalizzati fit-tagħlim tal-Malti.
Hemm biżżejjed għalliema mħarrġa?
Bħalissa għaddej programm ta’ taħriġ għall-għalliema, spjega Fabri waqt li fakkar li s-sillabi tas-suġġetti kollha se jkunu qed jinbidlu, inkluż dak tal-Malti akkademiku li jwassal għall-O Level kif nafuh sal-lum.
Fabri qal ukoll li filwaqt li qabel persuna waħda kienet tiddeċiedi s-sillabu. Issa s-sillabu qed jinħadem minn bord tal-MATSEC u l-għalliema qed jingħataw iċ-ċans li jipprovdu lura l-ideat tagħhom.
“Bħalissa ċ-ċentru qed jirrevedi s-sillabi skont dak li qed jitolbu l-għalliema,” saħaq Fabri waqt li insista li jaf biss b’żewġ pajjiżi oħra li għamlu dan.
L-istess proċess se jkun qed isir għall-Malti.
Ngħożżu lil Dun Karm imma anke l-awturi tal-lum
Jidher li għad ma hemmx indikazzjoni ċara x’se jkunu jinkludu s-sillabi l-ġodda tal-Malti, imma l-indikazzjonijiet huma li t-tagħlim tal-letteratura se jinbidel mhux ħażin.
“Aħna naqblu mal-letteratura iżda rridu ndaħħlu letteratura aktar rilevanti,” saħaq Fabri waqt li semma xogħlijiet ta’ awturi bħalma huma Emmanuel Mifsud, Claire Azzopardi u Adrian Grima.
Dan ma jfissirx li poeti u awturi bħal Dun Karm se jingħataw il-ġenb, iżda insista għaliex tfal ta’ 12-il sena għandhom ikunu mċaħħda minn awturi li qed jiktbu bil-lingwaġġ taż-żgħażagħ u li fi kliemu se jieħdu gost jaqraw.
Fi kliem Fabri, meta jiġu għal Dun Karm se japprezzawh aktar għax ikollhom pedamenti aktar soda fil-letteratura.
Aktar libertà għall-għalliema...
Fost il-bidliet li jidher li se jkunu implimentati se tkun qed tingħata aktar libertà lill-għalliema.
“Għandu jkun iċ-ċentru li joqgħod jgħidlek x’awtur tgħallem? Jekk l-għalliem qed jgħallem il-metafora, għaliex bilfors trid tkun il-metafora f’Dun Karm? Aħna qed ngħidu ejja nħallu lill-għalliem jiddeċiedi skont il-klassi li għandu quddiemu.”
Insista li l-għan huwa li l-għalliema jingħataw aktar spazju biex jieħu pjaċir jgħallmu. “Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm qafas, imma l-għalliem ma għandux jispiċċa sempliċiment messaġġier.”
L-istudenti meta se jagħżlu x’Malti jistudjaw?
L-istudenti se jibdew jagħżlu jekk jistudjawx il-Malti Akkademiku jew il-Malti Vokazzjonali fil-Form 2, l-istess meta jiġu biex jagħżlu s-suġġetti tagħhom. Dan se jkun possibbli mill-2019.
Fabri saħaq li t-tfal se jingħataw aktar għajnuna biex jifhmu li d-deċiżjonijet li se jieħdu fil-Form 2 jew jkunu qed jiddeterminaw dak li se jkunu qed jagħmlu wara s-SEC.
Hu mifhum li l-Università se tkun qed titlob li l-istudenti jkunu studjaw u poġġew għall-eżami tal-Malti Akkademiku, filwaqt li l-Malti Vokazzjonali se jkun rikonoxxut mill-MCAST u mill-ITS.
“Imma għall-kuntrarju ta’ dak li jiġri sa issa, tmur fejn tmur irid ikollok il-Malti,” temm jgħid Fabri.