Ir-rotot tal-Malti: ‘Mitt bniedem, mitt fehma”
Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ għadd ta’ esperti tal-Malti u tal-lingwa dwar il-proposti tal-Gvern għat-tagħlim tal-Malti. Min jaqbel u min ma jaqbilx?
minn Yendrick Cioffi
Wara li l-gazzetta ILLUM tkellmet mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Frank Fabri, dwar il-proposti għat-tagħlim tal-Malti, din il-ġimgħa, talbet ir-reazzjoni ta’ għalliema u professuri tal-Malti u anke esperti dwar it-tagħlim tal-lingwi.
Il-Professur Oliver Friggieri stqarr ma’ din il-gazzetta li jittama li l-partijiet kollha jingħaqdu biex jassiguraw li l-Malti jieħu l-istess post li għandha kull lingwa oħra fl-Unjoni Ewropea, oħrajn urew ukoll ix-xettiċiżmu tagħhom u saħqu li filwaqt li l-intenzjonijiet jistgħu jkunu tajbin, ir-riperkussjonijiet jistgħu jkunu negattivi.
L-aktar proposta li l-esperti li tkellmu magħna huma xettiċi dwarha, hija dik li l-Malti Akkademiku, il-Malti għall-Barranin u l-Malti Vokazzjonali, jingħataw l-istess livell ta’ ċertifikazzjoni fi tmiem is-sekondarja.
Oħrajn jisħqu wkoll li l-għażla li l-istudenti tal-Form 2 se jkollhom jagħmlu biex jagħżlu liema rotta għat-tagħlim tal-Malti se jagħżlu, se tkun qed iddaħħalhom fi sqaq għall-għażliet li jkunu jixtiequ jagħmlu fil-futur.
Il-ġimgħa li għaddiet, Fabri insista li l-Ministeru mhux kuntent bl-istatistika, li turi kif 61% tal-istudenti jgħaddu mill-O Level tal-Malti. Fi kliemu, dawn il-proposti huma mmirati biex it-tagħlim tal-Malti jkun aċċessibbli għal kulħadd.
“Kwistjoni li turi kemm għadna lura ħdejn l-oħrajn”
Il-Professur Oliver Friggieri qal li jaf lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri, bħala wild tad-Dipartiment tal-Malti, bniedem serju u li għandu għal qalbu l-lingwa nazzjonali u dak kollu li jagħtina identità bħala Maltin.
Friggieri qal li d-distinzjoni li dwarha qam l-argument kollu hi waħda ċara. “Id-dokument tat-twelid biss juri jekk persuna hix Maltija jew le; din hi kwistjoni legali u mhux akkademika, jew wisq inqas politika. Il-preċedenti antikwati li se jitilgħu fil-wiċċ b'din il-kontroversja dwar l-ovvju".
Huwa u jirrifletti fuq din il-kwistjoni, il-Professur Friggieri saħaq li l-preċedenti “antikwati” li se jitilgħu fil-wiċċ b’din il-kontroversja dwar l-ovvju (il-Maltin versus barranin) għandhom ikunu spuniti fi proċess li għandu jwassal biex fi kliemu, il-lingwa nazzjonali tieħu l-post li għandha kull lingwa nazzjonali oħra fl-Unjoni Ewropea.
Jemmen li r-riga li għandha tintuża għandha tkun dik Ewropea, li ddeskriviha bħala “moderna u aġġornata,” u insista li kemm l-Istat u kemm l-Edukazzjoni għandhom jaħdmu biex l-ewwel u qabel kollox jinnormalizzaw is-sitwazzjoni umiljanti li l-Malti biss għadu fiha.
“Il-lingwa nazzjonali ta’ Malta għadha ’l bogħod ħafna ħafna mill-kriterji naturali ta’ Brussell,” qal Friggieri. “Din il-kwistjoni għandha turi kemm għadna lura ħdejn l-oħrajn” u jittama li “l-istituzzjonijiet kollha li jemmnu fil-lingwa jingħaqdu biex il-Malti jikseb il-prominenza li għandu kull ilsien nazzjonali ieħor fl-Istati Ewropej.”
“Il-problema tal-lingwa tibda ħafna qabel is-sekondarja”
Tlabna wkoll ir-reazzjoni tal-Professur Marie Alexander mill-Istitut tal-Lingwistika fi ħdan l-Università ta’ Malta li fi kliema, il-kwistjoni tat-tagħlim tal-Malti qed tinqaleb ta’ taħt fuq.
Il-Professur saħqet li l-problema tal-lingwa tibda ħafna qabel is-sekondarja u għalhekk l-argument tagħha huwa li s-soluzzjoni tal-Ministeru mhux se ssolviha.
B’reazzjoni għall-istatistika msemmija minn Frank Fabri, (ara aktar ’il fuq), ikkwotat ir-rapport tal-MATSEC li wera kif 32% weħlu mill-Malti (SEC), 38% mill-Matematika (SEC) u 37% weħlu mill-Ingliż (SEC).
Il-Professur qalet li l-istatistika turi li għaddew aktar studenti mill-Malti milli għaddew mill-Matematika jew mill-Ingliż. “Se jkun hemm xi programm tal-Matematika vokazzjonali u ieħor tal-Matematika applikata?” staqsiet, waqt li użat l-istess argument ta’ Fabri.
Mela allura x’hemmm bżonn isir? Marie Alaxander saħqet li t-tagħlim tal-kitba jiddependi ħafna fuq it-tagħrif tal-lingwa mitkellma.
“Għat-tfal fil-primarja għandna niffukaw fuq kif nistgħu nestendu l-lingwa mitkellma li jġibu magħhom it-tfal billi noħolqu ambjent li jgħinhom jesprimu dak li josservaw, dak li jaħsbu u jħossu, kif ukoll biex jiddiskutu u jaqdu l-funzjonijiet l-oħra marbuta mal-iżvilupp intellewali tagħhom.”
Kompliet tisħaq li biex “il-Malti ma jibqax dejjem fit-tieni post,” jeħtieġ li mill-primarja jinħolqu aktar riżorsi biex jissaħħaħ il-livell tat-tagħlim tal-Malti u jkunu evitati l-problemi fis-sekondarja.
Fost dawn saħqet li l-istudenti, mill-primarja, għandhom ikunu esposti għal mudelli varji mil-letteratura addata għalihom jew kitbiet oħra ppubblikati onlajn.
Il-Malti: League, Coppa Italja u ċ-Champions League
Tkellimna wkoll ma’ David Aloisio, lettur tal-Malti fil-Junior College li filwaqt li saħaq li japprezza l-intenzjoni tajba ta’ min irid jirriforma l-istudju tal-lingwa u tal-letteratura Maltija, fakkar li mhux kull intenzjoni tajba neċċessarjament ikollha konsegwenzi tajbin.
Filwaqt li qabel li l-istudenti jingħataw rotot differenti biex jaslu għall-istess destinazzjoni, saħaq li ma jaqbilx li tliet sillabi tal-Malti jingħataw l-istess livell ta’ ċertifikazzjoni.
“Dan qisek qed tgħid li l-futbolers li rebħu l-kampjonat Malti, dawk li rebħu l-Coppa Italia u dawk li rebħu ċ-Champions League, jingħataw l-istess tazza,” saħaq Aloisio. “Qatt ma nistgħu naqblu mal-idea ta’ “one prize fits all.”
Dwar it-tagħlim tal-Malti għall-Barranin, qal li ġieli għallem studenti barranin, li l-ewwel bdew jistudjaw il-Malti għall-Barranin, imbagħad komplew jistudjaw il-Malti Ordinarju iżda saħaq li “dan ma għandux bilfors isir fl-aħħar sena tal-edukazzjoni sekondarja.”
Dwar “eċċezzjonijiet” li semma mal-ILLUM Frank Fabri għal min se jkun intitolat li jistudja l-Malti għall-Barranin, Aloisio staqsa min, kif u meta studenti se jiġu ġġudikati mhux denji biex jibqgħu jsegwu l-kors tal-Malti Ordinarju.
Rigward il-Malti Vokazzjonali, saħaq li dan għandu jakkumpanja u jiffaċilità t-tagħlim tal-Malti Ordinarju u jwassal lill-istudenti biex jkunu mħejjija sew biex jagħmlu l-eżami tas-SEC. “Hekk il-famużi 3 rotot xorta jwasslu għall-istess eżami u, verament, għall-istess livell ta’ ċertifikazzjoni,” saħaq l-għalliem.
“L-idea li se jiġri offrut “Malti ħafna aktar applikat milli teorija” timplika li l-letteratura Maltija qiegħda tiġi pperċepita bħala xkiel għall-istudenti,” saħaq il-lettur. Iddeskriva l-letteratura hija riflessjoni tal-ħajja u lill-istudenti, anke f’korsijiet vokazzjonali, se tgħinhom jikbru emozzjonalment, soċjalment u kulturalment.
Ikkritika wkoll il-fatt li l-istudenti fil-Form 2 se jibdew jagħżlu liema rotta se jaqbdu fit-tagħlim tal-Malti. Insista li bil-proposta tal-Malti Vokazzjonali, flok ngħinuhom jimirħu, nissugraw li nitfgħuhom fi sqaq.
“X’jiġri jekk l-istudent idawwar fehmtu u minn mekkanik jitħajjar isir mastrudaxxa, jew minn infermier ikun irid jeqleb għall-catering? U x’jiġri jekk ikun hemm studenta li għażlet ir-rotta vokazzjonali imma wara tibda temmen li tista’ ssir għalliema?”
“Minn kapaċi jikteb 100 kelma u min kapaċi 350 huma l-istess?”
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ għalliem tal-Malti fi skola sekondarja li iżda talab li jibqa’ anonimu. Filwaqt li jaqbel mat-tagħlim tal-Malti Applikat fl-MCAST, dan l-għalliem ma jaqbilx li l-istess suġġett ikun mgħallem fis-sekondarja.
“Jekk irridu verament ngħallmu l-Malti applikat f'oqsma differenti, mela allura nagħmlu l-lezzjonijiet u l-eżamijiet tax-xjenzi u tas-suġġetti vokazzjonali stess bil-Malti,” saħaq l-għalliem. “Aktar minn hekk, nintroduċu sistema ta' tagħlim bilingwi li verament jirrifletti r-realtà ta' pajjiżna.”
Qabel mal-Ministeru meta saħaq li mhux tajjeb li 61% biss jgħaddu mill-eżami tal-Malti fl-aħħar tas-sekondarja.
“Imma lanqas mhuwa tajjeb li naċċettaw tnaqqis ta’ standards b’mod istituzzjonalizzat għall-fini ta’ statistika,” kompla l-għalliem. “Mela allura xi ħadd li kapaċi jikteb paragrafu ta’ 100 kelma u xi ħadd li kapaċi jikteb 350 kelma se nqegħduhom fuq l-istess keffa tal-miżien?”
Fid-dawl ta’ dan, ma jaqbilx mal-proposta tal-Ministeru li t-tagħlim tal-‘Malti Akkademiku,’ ‘il-Malti Applikat’ u ‘l-Malti għall-Barranin,’ jitpoġġa fuq l-istess livell tal-MQF 3 (O Levell).
“Jiġri x'jiġri, jekk dan tgħallem inqas u huwa kapaċi għal inqas u tajtu ċertifikat, dan ħareġ hemm barra b'ħiliet inqas minn ħaddieħor... u jien għedtlu proset u tajtu ċertifikat.”
Fid-dawl ta’ dan, tkellem ukoll dwar it-tagħlim tal-Malti għall-barranin, filwaqt li insista li mhux kontra, l-għalliem talab lill-awtoritajiet biex jiċċaraw min se jkun intitolat għalih, għax fi kliemu qed jingħataw diversi verżjonijiet u jissemmew ukoll eċċezzjonijiet.
“Kif tridu ma jkunx hemm konfużjoni fost l-għalliema u l-pubbliku? Allura se naċċettaw li f'ġenerazzjonijiet futuri jkollna nies li bilkemm jafu jħaddmu l-Malti u nqisuhom tajbin xorta waħda?”
Ikkritika l-fatt li qed jissemma l-programm li jsir fi Brussell għal tfal ta’ ġenituri Maltin bħala eżempju. “Fuq minoranza żgħira ħafna lil hinn minn xtutna, li bilkemm tagħmel ħoss u ma tħalli l-ebda effett fuq l-edukazzjoni f’pajjiżna, se nibbaża l-programm edukattiv tal-ilsien nazzjonali tagħna f’pajjiżna stess?”
Temm jisħaq li mhux qed isir eżerċizzju serju tal-implikazzjonijiet soċjali u storiċi ta’ deċiżjonijiet simili. “Jekk se nnaqru l-livell illum u naċċettawh, fil-ġejjieni se jkollna ħakma zoppa u dgħajfa ta’ lsienna. B’affarijiet bħal dawn, illum se nkunu qed immardu l-Malti u llestulu t-tebut.”
“Nibża’ li se nrawmu ġenerazzjoni nieqsa mil-litteriżmu”
Min-naħa tiegħu, il-lingwista Albert Gatt qal li hu mhux kontra li l-barranin jingħataw l-opportunità jitgħallmu il-Malti, iżda kontra li t-tagħlim tal-Malti bħala lingwa nattiva u t-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija, jitkejlu l-istess keffa.
“It-tagħlim tal-Malti bħala lingwa barranija huwa meħtieġ, imma l-post tiegħu mhux bħala parti minn kurrikulu ċentrali fl-iskejjel,” saħaq Gatt. “Wara kollox, Malta stess jiġi mgħallem l-Ingliż bħala lingwa barranija, mhux fl-iskejjel, iżda taħt forom u rotot oħrajn.”
Bl-istess argument, Dr Gatt saħaq li l-kwistjoni fundamentali mhix lanqas jekk għandux jiġi mgħallem Malti Applikat, iżda saħaq li t-titlu qed joħloq “distinzjoni falza,” li fi kliemu toħloq mod kif min jistudja dan is-sillabu ma jkunx espost għal-letteratura.
Fakkar li s’issa għadu ħadd ma jaf eżatt x’inhi d-distinzjoni bejn il-Malti Akkademiku u l-Malti Applikat waqt li saħaq li fl-aħħar mill-aħħar l-ebda lingwa ma tista’ tiġi mgħallma b’mod effettiv jekk mhux b’mod applikat u wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu li dawn jitpoġġew fuq l-istess livell ta’ ċertifikazzjoni.
“Tinkwetani l-idea li min irid jaqbad rotta vokazzjonali fil-formazzjoni tiegħu, għandu biex jiġi espost għal-lingwa tal-"bżonn", il-lingwa bħala litteralment għodda biss. Huwa bħallikieku min irid isir mastrudaxxa, il-Malti għalih għandu l-istess funzjoni ta' musmar jew martell,” saħaq Gatt. “Il-biża’ tiegħi huwa li b'dan il-mod, inkunu qed inrawmu ġenerazzjoni nieqsa mil-litteriżmu, u nieqsa mill-abbiltà li tgħarbel u tifformula ideat kumplessi, argumenti u ħsibijiet.”
Temm jisħaq li dawn il-proposti jħarsu lejn il-lingwa bħala mezz għall-bżonn tal-mument jew taċ-ċirkostanza li fi kliemu huma ’l bogħod mill-ħtieġa ta’ tiswir ta’ ideat koerenti u argumenti msejsa fuq ir-raġuni u l-ħsieb.
“U aħna diġà poplu nieqes minn dawn. Is-sinjali ta' dan jidhru kuljum, f'kull qasam, mill-fatt li rari tisma' mexxej kapaċi jartikola idea b'mod koerenti bil-lingwa nazzjonali, sal-fatt li rari tara messaġġ jew artiklu miktub b'Malti tajjeb. Għandna ministeri li lanqas għandhom siti onlajn kompluti bil-Malti. U għalija, dan kollu għandu għeruqu f'din l-atitudni "utilitarja" li dejjem kellna lejn il-lingwa.”