Patri Mark Montebello ċċensurat wara li kkritika l-Knisja fuq l-IVF

Patri Mark kien ikkritika l-istrateġija tal-Knisja kontra l-emendi proposti mill-Gvern għal-liġi dwar l-IVF

Patri Mark Montebello magħruf għall-kitba tiegħu, li xi drabi tista’ tidher kontroversjali, allegatament twaqqaf milli jkompli jikteb u jesprimi l-opinjonijiet tiegħu.

Montebello kien ilu jikteb fuq il-gazzetta It-Torċa mill-1993, iżda lbieraħ din ir-rokna kienet vojta.

Skont ir-rapporti, Patri Mark Montebello, li sa ħmistax ilu kien intervistat mill-gazzetta ILLUM, twaqqaf milli jkompli jikteb u jekk ma jobdiex din l-ordni tista’ titneħħilu l-Quddiesa.

Għalfejn ġie ċċensurat?

Jidher, li d-deċiżjoni ttieħdet wara li Patri Mark ikkritika l-istrateġija tal-Knisja kontra l-emendi proposti mill-Gvern għal-liġi dwar l-IVF.

Montebello kien qal illi, "kull darba, ripetutament, l-istrateġija tal-kampanja tal-Knisja tispiċċa tagħti l-impressjoni li hija kontra drittijiet tal-minoranzi. Din id-darba," kompla Montebello b'referenza għall-kwistjoni tal-IVF, "qed nixhdu isteriżmu, argumenti simplistiċi, tattiċi ta' tbeżżigħ, kruċjati, xenarji ta' apokalissi u frażijiet banali. U dan għadu l-bidu..."

Kif kien wieġeb mal-ILLUM?

Patri Mark kien mistoqsi mill-gazzetta ILLUM dwar dawn il-kummenti. Huwa kien wieġeb hekk: “Jien m’għidtx li l-Knisja hi antikwata fil-każ tal-IVF... għidt li l-istrateġija li tidher li l-Knisja lokali qed tuża fil-kampanja biex tqajjem kuxjenza fil-każ tal-emendi għal-liġi tal-IVF mhijiex xierqa. Kull strateġija trid tkun maħsuba ħafna, speċjalment tal-Knisja, li fi żmienna tinsab f’żvantaġġ soċjali.”

X'reazzjoni kien hawn? Kif wieġbet il-Knisja?

Minnufih, malli nxterdet l-aħbar, kienu ħafna dawk li fetħu l-kanuni fuq il-Kurja, b’mod partikolari fuq l-Arċisqof Charles Scicluna iżda jidher li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Provinċja Dumnikana Maltija li jagħmel parti minnha Patri Mark Montebello.

Kelliem għall-Arċidjoċesi qal mal-MaltaToday li l-Kurja ma kinitx infurmata dwar din id-deċiżjoni.

Sa issa l-Provinċja Duminkana għadha ma weġbitx u ma tat l-ebda spjegazzjoni għad-deċiżjoni tagħha.

Aqra wkoll: 

Intervista | Ir-retweet tal-Arċisqof ħsibtha ċajta tal-1 ta’ April

More in Politika