Ġew sottomessi, lill-Awtorità tal-Ippjanar, 'il fuq minn 4,000 oġġezzjoni għall-proġett propost minn db Group fuq is-sit tal-ITS, fil-perjodu għall-oġġezzjonijiet li jagħlaq illum.
Fi stqarrija, Moviment Graffiti, qalu li eluf ta' oġġezzjonijiet ġew mibgħuta b'mod elettroniku iżda, apparti minn hekk, ir-residenti ta' ġabru wkoll mijiet ta’ oġġezzjonijiet stampati
"In-nies qed joġġezzjonaw għal dan il-proġett għaliex dan se jidfen lin-nies ħajjin taħt struttura enormi li fiha torri ta’ 37 sular u lukanda ta' 19-il sular," saħaq il-Moviment Graffiti.
L-istqarrija tfakkar ukoll li l-proġett hu propost li jsir ftit metri ‘il bogħod mir-residenti kif ukoll qrib żona ekoloġika importanti, u mingħajr l-infrastruttura meħtieġa biex ikun sostnut proġett ta’ dan id-daqs.
"Dan se joħloq dell kważi permanenti fuq ħafna residenti, se jiġġenera 7,500 vjaġġ bil-karozza kuljum, joħloq trabijiet perikolużi u jestendi lil Paceville lejn żona ippjanata għall-użu residenzjali," ittemm tgħid l-istqarrija.
Intant, wara li mijiet kienu niżlu jipprotestaw kontra dan il-proġett, minkejja li l-Gvern diġà ffirma t-trasferiment tal-art, il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li jista' jinħoloq kompromess tajjeb dwar dan il-proġett.