Qorti | Acapulco se jibqa' misteru (għalissa)...Il-libelli ta' Cardona jitwaqqgħu

  • Il-libelli dwar l-allegazzjoni li Cardona kien f'burdell jitwaqqgħu fuq it-talba tal-avukat tal-familja Caruana Galizia...minħabba li Cardona ma mar għall-ebda seduta

B'deċiżjoni aktar kmieni illum fil-Qorti l-libelli li kien fetaħ il-Ministru Chris Cardona u membru tal-istaff tiegħu Joe Gerada, fir-rigward tal-allegazzjoni illi l-Ministru Cardona mar f'burdell fil-Ġermanja waqt li kien qed jattendi delegazzjoni tal-Gvern, twaqqgħu. 

L-istejjer kienu ppublikati minn Daphne Caruana Galizia li kienet qalet illi xi ħadd mill-burdell kien qed jagħtiha rakkont ta' x'kien qed jagħmel Cardona, fosthom dettalji sesswali u anke dettalji personali dwar Cardona, fosthom allegata tattoo ta' Che Guevara. 

Il-Ministru Cardona dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet u sussegwentement infetħu dawn il-każi ta' libell. Ftit siegħat wara l-qtil ta' Caruana Galizia dan is-sit kien żvela kif ulied Daphne u żewġha kienu se jidħlu għaliha f'dawn il-libelli. 

Fl-aħħar seduta l-Avukat Pawlu Lia, l-avukat ta' Gerada, staqsa lil Peter Caruana Galizia dwar l-allegazzjonijiet; "Qed tagħmel dawn l-akkużi, tiegħek?' Caruana Galizia wieġeb li se jkompli jiddefendihom. Lia wieġeb billi staqsa jekk dan ifissirx li Caruana Galizia qed jinsisti fuq l-allegazzjonijiet, b'Caruana Galizia pront jgħidlu biex ma jpoġġilux kliem f'ħalqu u li hu assuma r-responsabilità ta' eredi, flimkien mat-tfal tiegħu. F'dan il-punt Caruana Galizia qal li hu bilkemm jiftakar x'inhuma l-allegazzjonijiet tal-każ.

Dalgħodu Lia, ppreżenta applikazzjoni għamel referenza għall-fatt li Matthew, Paul u Andrew m'attendewx. Hu fakkar illi skont proċedura legali persuna li ma tattendix tkun meqjusa li qed taċetta t-tort. 

L-Avukat tal-familja Joe Zammit Maempel li huwa l-avukat tal-familja Caruana Galizia qal li l-każ għandu jkun meqjus bħala mwaqqa' fuq il-fatt li Cardona ma deher għall-ebda seduta s'issa. "Jekk se tilgħabu l-logħob, aħna nistgħu nilgħabu wkoll," sostna Zammit Maempel.

Zammit Maempel spjega kif Andrew, Matthew u Paul ma setgħux jattendu għax jinsabu barra mill-pajjiż fuq parir tal-Pulizija. Hu qal li fin-nuqqas tagħhom huwa Peter Caruana Galizia li se jidher għall-uliedu. 

Intant il-Pulizija ċaħdu kategorikament illi taw dan il-parir. 

 

More in Politika