L-Avukat Pawlu Lia, f’isem Joe Gerada, il-konsulent tal-Ministru Chris Cardona, ippreżenta fil-Qorti messaġġi li allegatement juru li kien sors anonimu minn Malta li qal lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li l-Ministru Chris Cardona u l-konsulent tiegħu Joe Gerada kienu marru fil-burdell Acapulco waqt li kienu fuq żjara tal-Gvern.
Dan minkejja li Daphne Caruana Galizia kienet qalet li l-informazzjoni waslitilha direttament mill-Ġermanja u mingħand xi ħadd li ra b’għajnejh lill-Ministru u lil Gerada fil-burdell.
Meta kien qed jippreżenta l-evidenza, fil-libell miftuħ minn Joe Gerada kontra Caruana Galizia, l-Avukat Pawlu Lia talab lill-Qorti biex tiġbor il-call logs u l-messaġġi kollha li ntbagħtu bejn Caruana Galizia u anke s-sors fil-perjodu li fih Caruana Galizia ppubblikat l-allegazzjonijiet.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ekonomija saħaq li l-messaġġi jivverifikaw li s-sors ta’ Caruana Galizia kien anonimu u ppubblikat l-informazzjoni mingħajr ma identifikat min għaddhielha l-informazzjoni jew il-kontenut tal-messaġġi.
Intant, il-Ministeru qal ukoll li l-Avukat Pawlu Lia ma setax jippreżenta l-evidenza fil-libell miftuħ mill-Ministru, ġaladarba llum, il-Maġistrat waqqa’ dan il-libell.
L-istqarrija tgħid li l-Ministru ma setax jattendi minħabba appuntamenti oħra tal-Gvern u saħaq li l-Avukat ta’ Caruana Galizia uża dan iċ-ċans biex l-akkużat, f’dan il-każ l-eredi ta’ Caruana Galizia, jkunu meħlusa mill-akkużi.
L-Avukat tal-familja, Joe Zammit Maempel li huwa l-avukat tal-familja Caruana Galizia, qal li l-każ għandu jkun meqjus bħala mwaqqa' fuq il-fatt li Cardona ma deher għall-ebda seduta s'issa.