Erbgħa minn kull 10 li qegħdin f’kirja jinsabu f’riskju ta’ faqar

B’35.6% Malta tirreġistra t-tielet l-akbar tkabbir fil-pagi

Id-dħul medju tal-ħaddiema f’Malta żdied b’35.6% f’temp ta’ tmien snin, bejn l-2008 u l-2016. Dan jimmarka t-tielet l-akbar żieda fl-Unjoni Ewropea kollha fejn iż-żidiet medji kienu inqas minn nofs dik ta’ Malta, b’16.5%.

Din l-informazzjoni toħroġ minn rapport tal-Bank Ċentrali ppubblikat fl-aħħar ġimgħat li jitratta l-faqar, il-kundizzjonijiet tal-għixien u l-esklużjoni soċjali.

Minkejja ż-żidiet fid-dħul medju, pajjiżna xorta jibqa’ jkollu persentaġġ konsiderevoli ta’ 20% tal-popolazzjoni li tinsab f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali. Dan huwa 3.1% inqas mill-medja ta’ persuni fl-istess sitwazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea. Jindika wkoll tnaqqis ta’ 1.1% meta mqabbel mal-2010.

Il-Bank Ċentrali ppubblika dan ir-rapport fid-dawl ta’ dak li sejjaħlu “ekonomija li esperjenzat espansjoni b’saħħitha u li ħolqot ħafna impjiegi” u “inċentivi fiskali li kienu introdotti biex tkun indirizzata l-esklużjoni soċjali.”

...tnaqqis drastiku f’dawk nieqsa minn affarijiet bażiċi

Ir-rapport tal-Bank Ċentrali juri kif b’kollox f’pajjiżna hawn 85,000 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar li minnhom 50,000 isofru minn faqar monetarju (nuqqas ta’ flus), 8,000 minn deprivazzjoni materjali severa u 6,000 ibatu l-faqar minħabba intensità baxxa ta’ xogħol.

Ir-rapport juri kif f’termini ta’ ġeneru, hemm differenza minima ħafna bejn dawk l-irġiel u dawk in-nisa li jinsabu f’riskju ta’ faqar b’20% u 20.1% rispettivament. L-istess statistika turi illi l-akbar persentaġġ ta’ nies li jinsabu fil-faqar huma dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi, jew pajjiżi lil hinn mill-Unjoni Ewropea.  Fil-fatt skont dan ir-rapport kważi 34% ta’ dawk li jinsabu fir-riskju ta’ faqar ġejjin minn pajjiżi barra l-UE. Min-naħa l-oħra 19% huma Maltin u 17.3% huma persuni ġejjin mill-Unjoni Ewropea.

Il-pensjonanti, b’26% huma l-aktar settur tal-popolazzjoni li jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali u dan, kif jgħid ir-rapport tal-Bank Ċentrali stess, hu minħabba li ż-żidiet fid-dħul ta’ din il-klassi ta’ persuni kienu inqas mgħaġġlin mill-bqija tal-popolazzjoni. Fil-fatt il-pensjonijiet reġgħu qed jaraw żidiet fl-aħħar snin, permezz ta’ żidiet mħabbrin f’numru ta’ baġits.

L-importanza tax-xogħol

Ix-xogħol jibqa’ fattur importanti ħafna li jiddeteremina l-ammont ta’ nies li jkunu jbatu l-faqar f’pajjiż. Din hija xi ħaġa li r-rapport jinsisti dwarha hekk kif juri li 7.6% biss ta’ dawk li jaħdmu jinsabu f’riskju ta’ faqar, filwaqt li huma 61.7% dawk li huma bla xogħol u 34.2% dawk li huma inattivi, u fl-istess ħin jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali.

Imma apparti x-xogħol, hija wkoll l-edukazzjoni  li għandha impatt sinjifikanti hekk kif huma biss 3.4% dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja u li jinsabu f’riskju ta’ faqar. Ir-rapport jgħid illi l-impatt huwa wkoll wieħed ġenerazzjonali hekk kif persuni minn ġenituri b’livell baxx ta’ edukazzjoni għandhom iktar ċans li jaqgħu fil-faxxa tal-faqar. “Dan jista’ jindika kwistjoni ta’ mobilità interġenerazzjonali li tissuġerixxi illi tfal li twieldu minn familji bi dħul aktar mill-medju għandhom vantaġġ,” jgħid il-Bank Ċentrali.

Persuni single, bit-tfal u f’kirja privata: L-aktar vulnerabbli

Ir-rapport juri illi l-aktar li huma vulnerabbli, fis-sens li huma l-aktar li jafu jaqgħu fil-faqar huma persuni single u bit-tfal u li jgħixu f’kirja privata.

Fil-fatt 50.3% tal-persuni single bit-tfal jinsabu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, liema persentaġġ jinżel għal 29% fil-każ ta’ persuni single mingħajr tfal. Dawk f’riskju ta’ faqar jerġgħu jitilgħu għal 44.3% fost dawk li qegħdin f’kirja privata bi prezzijiet skont is-suq u 38.5% għal dawk li jinsabu f’kirjiet, imma li huma ssussidjati.

34% ta’ dawk li jinsabu fir-riskju ta’ faqar ġejjin minn pajjiżi barra l-UE. Min-naħa l-oħra 19% huma Maltin u 17.3% huma persuni ġejjin mill-Unjoni Ewropea

L-inqas rati ta’ dawk f’riskju ta’ faqar kienu rreġistrati fost is-sidien ta’ darhom li qed iħallsu s-self li ħadu mill-bank bi 11.2%. Simili huma dawk mingħajr self, fejn il-persentaġġ jitla’ ftit u jlaħħaq 17%. Ir-rapport jispjega dan il-fatt billi jfakkar illi fost dawk li huma sidien ta’ darhom u li m’għadhomx self xi jħallsu hemm aktar pensjonanti.

Fl-2016, 5.8% tal-poplu Malti ma felaħx iħallas għal affarijiet bażiċi filwaqt li 4.4% kienu meqjusin bħala materjalment deprivati b’mod sever.

Dan il-persentaġġ jirrifletti tnaqqis konsiderevoli mill-persentaġġ ta’ nies materjalment deprivati b’mod sever fl-2010, meta l-persentaġġ kien ta’ 10.2%. Fil-fatt il-persentaġġ ta’ persuni neqsin mill-aktar affarijiet bażiċi beda jara żieda konsiderevoli fl-2008 u baqa’ jiżdied sal-2010, stabilizza ftit fl-2011 biex imbagħad spara ’l fuq fl-2012, 2013 u 2014.

30.3% jilmentaw dwar tniġġis fejn jgħixu

Intant ir-rapport ta ħarsa wkoll lejn il-‘housing’ u l-ambjent fejn jgħixu in-nies. L-akbar problema, b’30.3% jsemmuha, kienet it-tniġġis fejn jgħixu, filwaqt li 26.2% semmew storbju eċċessiv. Ftit aktar minn 10% semmew il-kriminalità u l-vandaliżmu fiż-żona fejn jgħixu.

L-akbar problema kienet fost dawk li qalu li qed jgħixu fi proprjetà li għandha ħsara stutturali (9%), għalkemm naqsu dawk li qalu illi għandhom din il-problema. Min-naħa l-oħra kważi 8% qalu li fejn jgħixu hemm problema ta’ dawl, filwaqt li mat-3% jgħidu li fejn jgħixu hemm problema ta’ ffullar.

 

More in Politika