Jourova takkuża lil Malta b'nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus

...titlob lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex tinvestiga lill-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil ta’ Flus

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Vera Jourova qalet li tinsab imħassba dwar il-mod kif żvolġew l-affarijiet fil-każ tal-Bank Pilatus, li fi kliemha, dan juri li hemm ‘nuqqasijiet’ fil-mod kif Malta qed timplimenta regoli tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus.

Kien għalhekk li waqt konferenza tal-aħbarijiet waqt iż-żjara tagħha f’Malta, saħqet li qed tħeġġeġ lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex tinvestiga lill-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil ta’ Flus (FIAU) minħabba possibilità ta’ ksur ta’ dawn l-istess regolamenti.

Saħqet li l-mistoqsija li trid issir f’dan l-istadju hija jekk il-każ tal-Bank Pilatus kienx żball ta’ darba jew inkella ‘problema sistematika.’

“Jekk din hija problema sistematika, allura jridu jibdew proċeduri Ewropej,” saħqet il-Kummissarju. “Jien se nkompli nagħmel pressjoni fil-postijiet kollha fejn sibna n-nuqqasijiet. Ma rridux li l-Unjoni Ewropea ssir safe haven għal dawk li jridu jaħslu l-flus.”

Kliem iebes ukoll fuq l-iskema taċ-ċittadinanza...

Hija kellha kliem iebes ukoll fuq l-iskema taċ-ċittadinanza u fakkret li meta l-Gvern qiegħed jagħti ċ-ċittadinanza Maltija, qiegħed jagħti wkoll dik Ewropea, bid-drittijiet kollha li ġġib magħha.

Kien għalhekk li saħqet li din għandha tingħata biss lil dawk li għandhom rabta ma’ pajjiż, ilhom minn tal-inqas sena jgħixu fih u li jikkontribwixxu għall-istat.

“Meta membru tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jagħti ċ-ċittadinanza, ifisser li qed jieħu deċiżjoni f’isem stati membri oħra. Ma nistgħux inħallu persuni suspettużi jiġu l-Ewropa u jieħdu ċ-ċittadinanza biex ikunu jistgħu jaħslu l-flus jew joħolqu riskju ta’ sigurtà.

'Il-qtil ta' Daphne huwa sinjal għalina lkoll'

Dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qalet li dan għandu jkun sinjal għal ħafna “li diversi affarijiet huma relatati...il-ħasil tal-flus, is-Saltna tad-Dritt...”

Jourova qalet li l-kwistjoni f’Malta tmur lilhinn mill-pajjiż u għandha tħasseb lill-Unjoni Ewropea kollha. Insistiet li la l-ġurnalisti se jikxu affarijiet li mhux kulħadd se jkun komdu bihomm, allura għandhom jingħataw il-protezzjoni kollha li għandhom bżonn.

“Problema ta’ ħasil ta’ flus f’pajjiż wieħed, se toħloq problema fil-bqija tal-Unjoni Ewropea,” qalet il-Kummissarju waqt li spjegat li l-istess jgħodd għall-għoti taċ-ċittadinanza.

Mill-banda l-oħra faħħret id-deċiżjoni ta’ Malta li tissieħeb fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u faħħret ukoll il-ġudikatura Maltija.

More in Politika