‘Hekk sewwa u xieraq’ tgħid Gomes dwar il-laqgħa mal-Maġistrati
F’kuntatt telefoniku mal-ILLUM, Ana Gomes, tisħaq li għandha kull dritt li tiltaqa’ mal-Maġistrati u ssegwi dak kollu li qed jiġri f’Malta
minn Yendrick Cioffi
L-Ewroparlamentari Ana Gomes, qalet mal-gazzetta ILLUM, li kien sewwa u xieraq li d-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew tiltaqa’ mal-Maġistrati Aaron Bugeja u Anthony Vella.
Din il-gazzetta tkellmet ma’ Gomes wara li kien hemm min staqsa kemm kien etiku li d-delegazzjoni, magħmula minnha, Sven Giegold u David Casa, tiltaqa’ mal-Maġistrat Bugeja li qed isegwi l-inkjesta dwar Egrant u mal-Maġistrat Vella li qed jinvestiga l-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Gomes insistiet li d-delegazzjoni qatt ma ppretendiet li l-Maġistrati jgħidu xi ħaġa dwar il-kontenut tal-inkjesta u ċaħdet ukoll li ġew diskussi ‘dokumenti’ li għandu f’idu David Casa u li ppreżentahom lill-Maġistrat responsabbli mill-inkjesta dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
L-Ewroparlamentari Soċjalista saħqet li kien assolutament f’loku li d-delegazzjoni titlob li tiltaqa’ mal-Maġistrati anzi, insistiet li bħala MPE kellha d-dmir tagħmel dan u li hi tagħmel l-istess f’pajjiżha kull meta jkun hemm bżonn.
‘Flok jikkritikaw id-Deputati tal-PL għandhom jinvestigaw’
Iżda kif se nkunu ċerti li mal-Maġistrati, id-delegazzjoni ma ddiskutiet xejn dwar l-inkjesti?
L-Ewroparlamentari Gomes insistiet li d-delegazzjoni taf biżżejjed li Maġistrat ma jista’ qatt jiddiskuti informazzjoni dwar l-inkjesta u d-delegazzjoni riedet biss tiddiskuti u tifhem il-qafas legali tal-Maġistrati, il-progress tal-inkjesta u diffikultajiet li qed jiffaċċjaw.
Saħqet li l-kritika dwar dawn il-laqgħat taraha ‘stramba’ aktar u aktar meta ġejja minn membri tal-Partit Laburista.
“Għandhom ikunu huma li jitkellmu mal-Maġistrati u għandhom ikunu huma li fil-Parlament jinvestigaw dak li qed jiġri,” saħqet Gomes.
‘Ħadd mhux se jintimidana...’
Filwaqt li wriet l-apprezzament tagħha li l-Maġistrati aċċettaw, insistiet li jiddispjaċiha li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar ma aċċettax li jiltaqa’ magħhom, għax ma kinux fuq ‘missjoni uffiċjali.’
Għandna interess dirett, pubbliku u Ewropew li nsegwu dak li qed jiġri f’Malta u ħadd mhu se jintimidana
Kien hawn li saħqet li l-argument tal-Kummissarju kien “redikolu” tant li ħadd iktar ma użah, la l-Maġistrati u lanqas it-tliet partiti fil-Parlament.
“Aħna konna hemm bħala Ewroparlamentari u l-Ewroparlamentari se jkomplu jaħdmu biex issir magħrufa l-verità kemm dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u anke dwar il-Panama Papers,” saħqet Gomes. “Għandna interess dirett, pubbliku u Ewropew li nsegwu dak li qed jiġri f’Malta... ħadd mhu se jintimidana għax dak li jiġri f’Malta jaffettwa s-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea kollha.”
Daphne: Gomes u Casa jafu xi ħaġa li l-pubbliku ma jafx?
Staqsejna wkoll lil Gomes jekk waqt il-laqgħa mal-Maġistrat Vella, iddiskutewx informazzjoni ġdida dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, anke għax ftit jiem biss wara din il-laqgħa, l-Ewroparlamtari David Casa qal li l-istess Maġistrat talbu jiltaqa’ miegħu biex “niddiskutu dokumenti li għandi f’idi.”
Iżda Ana Gomes qalet li ma għandha “l-ebda idea” dwar xiex konna qed insaqsuha u insistiet li waqt din il-laqgħa ma ġie diskuss l-ebda dokument.
“Dwar il-qtil ta’ Daphne jien ma naf xejn aktar milli tafu intom,” saħqet Gomes.
Intant, l-ILLUM bagħtet tistaqsi lil David Casa dwar dawn id-dokumenti u jekk jafx xi ħaġa li għadha mhux pubblika. It-tweġiba tiegħu kienet sempliċi: “Fuq talba tal-Maġistrat ma nistax nikkummenta fuq din il-laqgħa.”
Il-Maġistrat Vella jikkonferma li jista’ jsir imħallef
Fir-rapport wara ż-żjara f’Malta, l-Ewroparlamentari saħqu li l-Maġistrat Vella x’aktarx se jilħaq imħallef u fi kliem Gomes dan ikun ifisser li l-inkjesta kważi kważi terġa’ tibda mill-bidu.
Meta mistoqsija jekk id-delegazzjoni bbażatx il-konklużjoni tagħha fuq għidut, Gomes saħqet li l-Maġistrat Vella nnifsu kkonferma mad-delegazzjoni “li se jkun għaddej mill-proċess tal-promozzjoni u jekk jinħatar imħallef se jkun qed iħalli din l-inkjesta f’idejn ħaddieħor.”
Temmet ittenni dak li tħasseb dwaru r-rapport, partikolarment li l-Pulizija mhux qed jinvestigaw informazzjoni importanti, fosthom li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona, skont xhieda, deher jixrob ma’ wieħed mill-akkużati. Dan minkejja li l-MaltaToday hija infurmata li l-pulizija investigat filmati ta' CCTV fis-Siġġiewi.
“Dan huwa ta’ tħassib serju,” insistiet Gomes. “Mhux se nkunu aħna li nagħmlu x-xogħol tal-Pulizija jew il-Maġistrat, imma rridu naraw li għandhom il-kundizzjonijiet u r-riżorsi biex jinvestigaw minn ordna l-qtil ta’ Daphne... Jekk ikun il-Proġett Daphne li jikxef hu minn ordna l-qtil ta’ Daphne ma tantx se jirrifletti tajjeb fuq l-awtoritajiet Maltin.”
Imma l-maġistrati għamlu sew li ltaqgħu mal-MEPs?
Lil hinn minn dak li qalet Ana Gomes, il-gazzetta ILLUM staqsiet hi stess jekk il-Maġistrati, li qed isegwu inkjesti daqstant sensittivi, kisrux il-kodiċi tal-etika meta ltaqgħu mal-Ewroparlamentari.
Din il-gazzetta saħanistra staqsiet lill-Prim Imħallef, Joseph Azzopardi, jekk il-Maġistrati ngħatawx l-awtorizzazzjoni biex jiltaqgħu mad-delegazzjoni, imma wieġeb biss li “l-Imħallfin u Maġistrati ma jitkellmux fuq każijiet pendenti mal-istampa skont il-Kodici tal-Etika tagħhom.”
Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Professur Kevin Aquilina, qal li ma jara l-ebda problema li Maġistrati jitkellmu jew juru t-tħassib tagħhom dwar proċeduri li qed idumu. “Sakemm mhux jitkellmu fuq il-kawża perse, ma hemm xejn li jwaqqafhom,” saħaq Aquilina.
Mill-banda l-oħra, l-Imħallef Emeritu Philip Sciberras, għażel li ma jikkummentax meta mistoqsi jekk il-Maġistrati għamlux sew li jiltaqgħu mal-MEPs. Qal biss li għandu l-opinjoni personali tiegħu iżda mhux se jikkumenta. “Jiġġudika ħaddieħor u jiġġudika l-poplu."