‘Kont nippreferi nirriżenja milli niffirma’ – Ugo Mifsud Bonnici

  • Il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici jgħid illi kieku hu jkun iffaċċjat b'liġi li ma jaqbilx magħa ma jiffirmax
  • Fenech Adami mhux qed jagħti kummenti u Abela ma xtaqx jikkumenta 

Mal-gazzetta ILLUM, il-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici saħaq li kien jippreferi jirriżenja milli jiffirma liġi li tmur kontra dak li tgħidlu l-kuxjenza.

Din il-gazzetta staqsiet lit-tliet Presidenti Emeriti x’kienu jagħmlu kieku kienu minflok il-President Marie-Louise Coleiro Preca u quddiemhom tiġi liġi li ma jħossux li għandhom jiffirmaw.

Dan wara li Coleiro Preca kienet ħabbret li se tiffirma l-liġi tal-IVF (kif emendata mill-Gvern) għax ma tistax tagħmel mod ieħor.

Mistoqsi x’kien jagħmel kieku kien minflok Coleiro Preca, Mifsud Bonnici qal li filwaqt li jirrispetta d-deċiżjoni tal-President, għax fi kliemu kulħadd għandu l-kuxjenza tiegħu, hu ma kienx jiffirma din il-liġi u kien jippreferi jirriżenja.

“Għalija din il-liġi mhux aċċettabbli,” saħaq il-President Emeritu.

Mistoqsi jekk fi żmien meta hu kien President kienx affaċjat b’deċiżjoni simili, Mifsud Bonnici wieġeb fin-negattiv, madanakollu qal li kien għamilha ċara illi li kieku l-Gvern kellu jiġi quddiemu b’liġi li tippermetti l-piena tal-mewt, kien jirriżenja.

George Abela u Eddie Fenech Adami...

Din il-gazzetta talbet ukoll ir-reazzjoni tal-President Emeritu George Abela li madanakollu wieġeb biss li ma jħossx li huwa prudenti li jagħti kummenti.

Mill-banda l-oħra, kelliem għal Eddie Fenech Adami qal lil dan is-sit li l-President Emeritu ma għadux jagħti kummenti lill-midja.

Il-President ilha xettika dwar il-liġi...

Fl-istqarrija, il-President ikkonfermat li r-riservi tagħha dwar il-liġi l-ġdida tal-IVF iduru madwar l-iffriżar tal-embrijun, li mad-daqqa tal-firma tagħha, se jsir in-norma u mhux l-eċċezzjoni.

“Kull bniedem, anke fi stat embrijoniku, ma għandu qatt jiġi użat bħala oġġett jew li intenzjonalment jitpoġġa f’riskju li ma jkomplix jiżviluppa b’mod normali.”

Għalkemm il-President, kull meta ġiet mistoqsija mill-gazzetta ILLUM, qatt ma kkomettiet ruħha li tiffirma din il-liġi, dalgħodu qalet li se tiffirma wara proċess twil ta’ riflessjoni u dixxerniment u wara li ħadet diversi pariri etiċi, morali u legali.

Madanakollu, ħasset li kellha tisħaq fuq il-fatt li se tiffirma biss b’rispett sħiħ lejn il-proċess demokratiku u l-Kostituzzjoni.

L-ewwel darba li l-President kienet uriet ix-xettiċiżmu tagħha dwar l-emendi tal-Gvern kien fil-pass bla preċedent li ħadet f’April li għadda meta talbet għall-proċess itwal ta’ riflessjoni u ofriet li tkun medjatur f’konsultazzjoni wiesgħa.

Iltaqgħet ma’ Fearne imma...

Minn dak iż-żmien ‘l hawn, il-President kellha numru ta’ laqgħat mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, li ressaq bidliet għall-emendi proposti oriġinarjament, iżda l-punt l-aktar kontroversjali, jiġifieri dak tal-iffriżar tal-embrijun baqa’ fejn hu u saħansitra ssaħħaħ meta l-professjonisti ngħataw il-possibbilitá li jiffertilizzaw ħames bajdiet sa mill-ewwel ċiklu.

Nhar il-Ħadd li għadda, il-President saħansitra laqgħet għandha diversi gruppi li jsejħu lilhom infushom favur il-ħajja u resqet it-tħassib tagħhom lill-Gvern.

L-għada, f’kummenti lill-midja, il-Prim Ministru kien qal li reġa’ talab mill-ġdid il-parir tal-Avukat Ġenerali li kkonferma li din il-liġi hija 100% Kostituzzjonali.

L-emendi tal-Gvern għaddew mill-Parlament nhar it-Tlieta li għadda, meta l-Gvern ivvota favur u l-Oppożizzjoni kontra.

More in Politika