L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) akkużat lill-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) li kisret id-direttiva kontra l-ħasil tal-flus fis-superviżjoni tagħha tal-Bank Pilatus.
Fost affarijiet oħra, l-Awtorità Bankarja Ewropea qalet li kien hemm diversi nuqqasijiet fil-proċeduri użati u nuqqasijiet oħra meta ddeċidiet li ma timponi l-ebda sanzjoni fuq il-bank wara li lestiet is-superviżjoni tagħha.
Dwar l-ispezzjoni li l-FIAU kienet għamlet fl-uffiċini ta' Pilatus, l-EBA qalet li ma hemm l-ebda dokumentazzjoni dwar liema files u dokumenti eżaminat u lanqas lista ta' dawk id-dokumenti li talbet mingħand Pilatus u li baqgħu ma ngħatawx.
Kien għalhekk li l-EBA għamlet għadd ta' rakkomandazzjonijiet lill-FIAU bil-għan li tindirizza n-nuqqasijiet misjuba.
Fost oħrajn, l-EBA talbet lill-FIAU biex tieħu l-passi kollha neċċessarji biex tinvestiga r-riskju dwar kwalunkwe assoċjazzjoni li jista' jkun hemm bejn il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u s-settur finanzjarju Malti.
Heġġet ukoll lill-FIAU biex tissorvelja l-effettività tal-politika Maltija kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu filwaqt li tassigura li jkun hawn biżżejjed riżorsi u "proċeduri robusti" li jissorveljaw l-entitajiet responsabbli mill-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
L-FIAU għandha għaxart ijiem ċans biex tinforma lill-EBA bil-proċeduri li se tkun qed timplimenta biex tassigura li dejjem timxi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.
L-FIAU tirreaġixxi
Intant, f'reazzjoni l-FIAU qalet li tinsab iddiżapuntata bil-konklużjoni tal-EBA u qalet li għandha "riżervi serji" dwar il-proċess li addottat l-EBA fl-investigazzjoni tagħha.
Minkejja dan saħqet li se tibqa' tikkopera mal-EBA biex timplimenta l-pjan ta' azzjoni tal-FIAU, li skont l-istqarrija, sar qabel bdiet l-investigazzjoni tal-EBA.