'Simon Busuttil mhux postu f'kumitat ta' esperti Ewropej' - Miriam Dalli

Miriam Dalli tikteb lill-President  tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani u anke lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili

L-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli bagħtet ittra lill-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani u anke lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, biex tinfurmahom dwar il-konklużjonijiet tal-Maġistrat Aaron Bugeja fl-inkesta dwar Egrant.

Fost oħrajn, Miriam Dalli saħqet li l-pożizzjoni ta’ Simon Busuttil bħala membri ta’ kumitat li jissorvelja l-ħatriet tal-ġudikatura u l-Avukati Ġenerali għall-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem mhijiex tenibbli.

Busuttil kien innominat għal din il-kariga mill-Parlament Ewropew.

“Dan huwa r-rwol li jeħtieġ persuna kapaċi li tieħu deċiżjonijet serji u informati. Il-konklużjonijet tal-Inkjesta Maġisterjali juru ċar u tond li Simon Busuttil mhux tajjeb għal dan l-irwol,’ insistiet Dalli.

Fl-ittra indirizzata lill-membri kollha tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, li f’Settembru ġejjin Malta jinvestigaw is-Saltna tad-Dritt, l-Ewroparlamentari saħqet l-MEPs għandhom ikunu kapaċi jiddistingwu bejn allegazzjonijiet u fatti.

“Isem Malta ttappan minn persuni  li emmnu u għamlu tagħhom l-allegazzjonijiet, li issa huwa ċar li huma biss fabrikazzjoni u gideb. Dawn il-gibeb ġew irrepetuti fil-Parlament Ewropew u f’instituzzjonijiet Ewropej minn persuni li jmisshom jafu aħjar. Dan huwa inaċċettabbli,” saħqet Miriam Dalli.

More in Politika