Aġġornata | Wara l-pożizzjoni tal-PN, għaxar Deputati joħorġu għonqhom għal Busuttil
Mario de Marco, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Claudette Buttigieg, Marthese Portelli, Therese Commodini Cachia u Karl Gouder kollha kemm huma ħarġu għonqhom għal Simon Busuttil
minn Yendrick Cioffi
Wara li l-Amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista talbet għar-riżenja ta' Simon Busuttil, spikkat il-qasma fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, b'għaxar Deputati Nazzjonalist, flimkien ma' għadd ta' esponenti tal-partit, joħduha kontra t-talba ta' Adrian Delia biex Busuttil iwarrab.
Mario de Marco, Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina, Jason Azzopardi, Claudette Buttigieg, Marthese Portelli, Therese Commodini Cachia, Karl Gouder, Claudio Grech u Ryan Callus kollha kemm huma ħarġu għonqhom għal Simon Busuttil.
L-għaxar deputati, kollha kemm huma u wara xulxin, marru fuq Twitter jew Facebook u kitbu l-istess frażijiet, jiġifieri: “#notinmyname #strongertogether.”
Magħhom ingħaqdu wkoll l-Ewroparlamentari David Casa, l-eks kandidat għat-tmexxija tal-PN Alex Perici Calascione u anke Paula Mifsud Bonnici li ddikjarat li jekk l-Eżekuttiv tal-PN jintalab jivvota dwar it-tneħħija ta' Busuttil, hi se tkun qed tivvota kontra.
Dan apparti li kitbu l-istess kelmiet l-eks Segretarji Ġenerali tal-PN Paul Borg Olivier u Rosanna Thanke u l-kandidat Norman Vella.
Sa issa Busuttil ma wera l-ebda indikazzjoni li se jirriżenja, anzi lbieraħ qal li se jibqa' jiġġieled għall-ġustizzja anke mingħajr l-appoġġ ta' Adrian Delia.