Egrant | Jonathan Ferris jintalab imur id-Depot biex ikun mistoqsi
Ferris jikkonferma ma' gazzetta lokali li ntalab imur id-Depot
More in Politika
Ferris jikkonferma ma' gazzetta lokali li ntalab imur id-Depot
Jonathan Ferris intalab biex imur fil-kwartieri ġenerali tal-Pulizija biex ikun mistoqsi mill-Pulizija dwar ix-xhieda tiegħu fl-inkjesta dwar Egrant.
Huwa qal dan mal-gazzetta Times of Malta fejn spjega kif ilbieraħ intalab imur id-Depot iżda hu talab li l-laqgħa ssir wara nhar il-Ġimgħa għax l-Avukat tiegħu jinsab imsiefer. Minkejja dan il-Pulizija insistiet li għandu jmur u jekk ma kienx se jmur, dejjem skont Ferris, kienu se jarrestawh.
Intant il-gazzetta MaltaToday tinsab infurmata li l-Maġistrat Aaron Bugeja kienet waslitlu informazzjoni li għal xi żmien, Egrant kienet kumpanija fil-Panama tal-Partit Laburista biex fiha jintefgħu fondi għall-elezzjoni.
Minkejja li dan ma ħariġx fil-konklużjonijiet, l-istess gazzetta tinsab infurmata li kien Ferris li għadda din l-informazzjoni lill-Maġistrat Bugeja u li saħansitra qallu li kien l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli li waqt interrogazzjoni kien semma li Egrant setgħet kienet tal-PL. Kien għalhekk li l-Maġistrat Bugeja talab ukoll li jiltaqa' ma' Dalli.
Ferris kien ċaħad dan mal-MaltaToday għalkemm l-informazzjoni li għandha tisħaq li l-Maġistrat Bugeja staqsa direttament lil Dalli jekk hux veru li kien qal lil Ferris li Egrant kienet tal-Partit Laburista.
Ilbieraħ, il-gazzetta The Malta Independent irrappurtat li l-eks impjegata tal-Bank Pilatus, Maria Efimova, mistennija tkun akkużata wkoll li vvintat gidba apposta u li mistenni jinħareġ mill-ġdid Mandat ta' Arrest Ewropew kontriha.