L-ILLUM tingħata r-rapport illi jagħti raġun lid-dilettanti tan-nar tal-Mellieħa
Jiem wara li l-Kurja rrifjutat illi tagħlaq għajn waħda għad-dilettanti tan-nar tal-Mellieħa, il-gazzetta ILLUM tingħata kopja tar-rapport li l-Arċidjoċesi warrbet fil-ġenb
minn Yendrick Cioffi
Wara li l-Kurja żammet mal-policy tagħha u rrifjutat li jingħata l-permess għall-ispettaklu tan-nar minn fuq il-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa, il-gazzetta ILLUM ingħatat kopja tar-rapport li ġie mogħti lill-Arċidjoċesi u li fih perit u pirotekniku jikkonkludu li dan l-ispetakklu huwa sikur u qatt ma għamel ħsara lill-faċċata tal-knisja.
Dan ir-rapport sar wara l-uniku laqgħa li l-Għaqda tan-Nar Marija Bambina tal-Mellieħa kellha mal-Kurja bil-għan li tinstab soluzzjoni hekk kif din is-sena ġiet infurzata policy li skont l-Arċidjoċesi kienet ilha teżisti u li tipprojbixxi l-ħruq tal-logħob tan-nar minn fuq proprjetajiet tagħha. Minkejja li tapplika għal kulħadd, il-Melliħin, li huma famużi għall-ispettaklu li jtellgħu lejlet il-festa, kienu l-aktar affettwati.
Minkejja li dan ir-rapport kien ippreżentat lill-Kurja ġimgħat ilu, qatt aktar ma nstema’ xejn dwaru.
Il-perit li ħejja r-rapport, wara li studja l-istrutturi li jintużaw sabiex isir dan l-ispetakklu, jikkonkludi hekk: “L-ebda ħsara lill-binja tal-knisja mil-logħob tan-nar jew tendenzi ta’ ħsarat simili ma kienu viżibbilment innutati.” Jinnota wkoll kif il-logħob tan-nar jinħaraq minn strutturi temporanji li ma jagħmlu l-ebda ħsara permanenti lill-istruttura.
Apparti minn hekk, pirotekniku ħejja rapport dwar ir-riskji u l-perikli marbuta mal-logħob tan-nar minn fuq il-bjut. Fost affarijiet oħra, waqt li jidħol fid-dettall tal-materjal li jintuża, il-pirotekniku jfakkar illi n-nar jiġi maħruq permezz ta’ sistema elettronika, għaldaqstant ħadd ma jkun preżenti fuq il-binja.
Minħabba f’hekk, ma tintużax il-miċċa, li mhux biss ifisser li jonqos l-impatt u l-materjal li jaqa’ iżda huwa wkoll metodu aktar sikur u jista’ jitwaqqaf mill-ewwel jekk ikun hemm bżonn. Fuq kollox, il-kanen tan-nar ikunu mpoġġija fuq qafas li jżomm waħdu, jassorbi l-impatt u mingħajr l-ebda kuntatt mal-bejt.
Fuq nota inqas teknika, l-istess pirotekniku jinnota kif minbarra l-knisja, l-ispettaklu jinfirex ukoll għal fuq iż-żewġ każini tal-banda li jinsabu fil-pjazza. “Dan jindika relazzjoni armonjuża bejn is-soċjetajiet kollha involuti fil-festa tal-Mellieħa, sitwazzjoni li għandha tkun promossa f’lokalitajiet oħra.”
Iżda x’sar minn dan ir-rapport?
Din il-gazzetta tkellmet ukoll ma’ Trevor Vella, wieħed mid-dilettanti tal-Għaqda tan-Nar tal-Mellieħa li wera d-diżappunt tiegħu u ta’ sħabu għad-deċiżjoni tal-Kurja.
“Għalfejn intlabna nagħmlu rapport, naħlu r-riżorsi, sabiex xorta kollox baqa’ kif kien?” staqsa Vella.
Wara l-inizjattiva tal-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar, l-għaqda tan-nar kienet tkellmet mal-Vigarju Ġenerali Monsinjur Joe Galea Curmi, issa l-Isqof Awżiljarju, waqt laqgħa li l-istess Cutajar iddeskrivieha bħala “kordjali ħafna.” Il-medjazzjoni bdiet f'Mejju li għadda.
L-istess Cutajar serva bħala medjatur bejn l-għaqda tan-nar u l-Kurja, bid-Deputat tal-Gvern Clayton Bartolo jniedi wkoll petizzjoni onlajn bil-għan li l-awtoritajiet ekkleżjastiċi jbiddlu l-pożizzjoni tagħhom.
Trevor Vella, insista li l-għan tal-laqgħa ma kienx li l-Mellieħa tkun eżentata mill-policy, iżda li din tkun aġġornata sabiex tirrifletti aħjar iż-żminijiet tal-lum.
“Apparti din il-laqgħa, konsultazzjoni magħna ma kienx hemm.”
Fid-9 ta’ Lulju li għadda, il-Kurja kienet qalet lill-gazzetta ILLUM li għadhom għaddejjin diskussjonijiet dwar din il-policy, u fi stqarrija maħruġa nhar l-Erbgħa li għadda, qalet li d-deċiżjoni li żżomm mal-policy tagħha ttieħdet wara diversi laqgħat ma’ kappillani, esperti u anke għaqdiet tan-nar.
‘Kien hemm kappillani li oġġezzjonaw bil-kbir’
Filwaqt li faħħar l-appoġġ li rċevew mingħand l-Arċipriet tal-Mellieħa, il-Kanonku Joe Caruana, Trevor Vella qal li kienu ħafna dawk il-kappillani li oġġezzjonaw, li saħqu li l-policy tkun riveduta u insistew li għandhom jiġu rrifjutati l-permessi kollha.
“Kappillani ta’ parroċċi fejn ma jsirx ħruq tan-nar minn fuq il-knejjes iddeċidew għal min jaħraq minn fuq il-knejjes u għal min ma għandux alternattiva oħra,” kompla Vella.
‘Mhux faċli ċċaqlaq spettaklu bħal dak’
Iżda allura lejlet il-Bambina mhu se jsir xejn? “Faċli tmexxi kaxxa taċ-Ċina minn fuq bejt għal ieħor… iżda mhux faċli tmexxi spettaklu bħalma jsir il-Mellieħa,” saħaq Vella.
Għalkemm iż-żmien huwa qasir, Vella qal li bħalissa l-għaqda tan-Nnr qed tiddetermina x’alternattivi jista’ jkun hemm bit-tama li xorta waħda tittella’ wirja piromużikali mill-pjazza. Il-programm tan-nar tal-ajru u tal-art ser isir bħas-soltu.
X’ġie propost?
Ir-rapport tal-pirotekniku, wara li ta ħarsa lejn linji gwida oħra implimentati f’pajjiżi bħall-Kanada, l-Awstralja u r-Renju Unit, jipproponi fost oħrajn li:
- Tinżamm distanza ta’ metru bejn in-nar u t-tarf tal-bejt
- Il-frames jitpoġġew f’angolu lil hinn mill-udjenza
- Tingħata attenzjoni partikolari lid-direzzjoni tar-riħ
- Persuni liċenzjati biss ikunu preżenti waqt il-ħruq
- Numru ta’ fire extinguishers ikunu lesti fuq il-post għal kull eventwalità
L-istess Għaqda kienet saħansitra pproponiet li jkun maħtur kumitat ta’ esperti li josserva l-ħidma tal-membri tal-kamra tan-nar waqt il-preparazzjoni, il-ħruq tan-nar innifsu u anke wara, sabiex isir rapport tekniku li jagħti parir lill-Kurja dwar kif tista’ tiġi aġġornata l-policy.
Saħansitra kien propost li kwalunkwe spejjeż relatati mas-servizz tal-esperti kienet se tieħu ħsiebhom l-għaqda tan-nar.
Apparti minn hekk, l-għaqda tan-nar tal-Mellieħa qed tipproponi li l-parroċċi jitħallew jiddeċiedu huma dwar il-logħob tan-nar minn fuq il-bjut tal-knisja, u dan ikun jiddependi mill-kollaborazzjoni li jkun hemm bejn il-kappillan u l-għaqdiet tan-nar.