Graffitti jakkużaw lill-Pulizija bi 'vjolenza eċċessiva'
Andre Callus jgħid kif uħud mill-attivisti ġew imkaxkra min għonqhom 'il barra mill-binja tal-Awtorità tal-Ippjanar
More in Politika
Andre Callus jgħid kif uħud mill-attivisti ġew imkaxkra min għonqhom 'il barra mill-binja tal-Awtorità tal-Ippjanar
Mas-sit illum.com.mt, Andre Callus ikkundanna dik li sejjaħ bħala 'vjolenza eċċessiva meta l-Pulizija daħlu għal għadd ta' attivisti li dalgħodu nġabru jdoqqu tnabar u strumenti oħra waqt li kienet għaddeja laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li "għal darb’oħra qed jiddiskuti pompa tal-petrol enormi, din id-darba fiż-Żejtun.
F'kummenti ftit tal-ħin wara li l-Pulizija marru għall-attivisti, Callus saħaq li ħafna mill-attivisti għadhom taħt xokk għal mod vjolenti li bih il-Pulizija rreaġixxew.
Fil-fatt, Moviment Grafitti kienu waqt Facebook Live, meta daħlu l-Pulizija, tefgħu lill-attivisti mal-art u kaxkru lil uħud minnhom barra.
"Kien hemm min kaskruh minn għonqu, oħrajn tefgħulhom it-tnabar fuq wiċċhom...hemm min saħansitra weġġa' u għandu d-demm," saħaq Callus.
Madanakollu ma jidher li għalissa ġie arrestat ħadd, anke jekk uħud mill-attivisti dehru jirreżistu lill-Pulizija meta talbuhom joħorġu mill-binja.
Il-protesta qed tkompli bħalissa fuq barra.
'Il-Pulizija għandhom jipproteġu u mhux isikktu lil min jipprotesta' - PN
B'reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li f'pajjiż demokratiku huwa dritt fundamentali li persuna tipprotesta u għalhekk ikkundanna li protesta paċifika "spiċċat b'użu ta' forza eċċessiva."
Fi stqarrija, il-PN qal li l-Istat għandu jara li l-Pulizija jkunu hemm sabiex jipproteġu lil min ikun qed jipprotesta u mhux jiġi msikket.
"F'pajjiż verament demokratiku, ċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-Pulizija jixraqilhom aħjar."
'Tkaxkru bħal-annimali waqt li l-PA kompliet tkisser pajjiżna' - PD
Il-Kap tal-Partit Demokratiku, Anthony Buttigieg, qal li d-dritt li wieħed jipprotesta huwa dritt fundamentali.
Kien għallhekk li kkundanna l-mod kif l-attivisti ta' Graffitti ġew imkaxkra 'l barra mill-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar.
"L-attivisti tkaxkru 'l barra bħall-annimali, biex l-Awtorità tal-Ippjanar tkun tista' tkompli tkisser lill-pajjiżna..Malta jeħtieġ tiġi difiża minnha nnifisha," temm jgħid Buttigieg.