Din il-gazzetta tinsab infurmata illi din il-ġimgħa l-Gvern se jkun qed jippubblika it-tant mistennija White Paper dwar il-kirjiet illi se twitti t-triq għal konsultazzjoni wiesgħa dwar is-suġġett. L-ILLUM tinsab infurmata illi kollox jinsab ippreparat biex dan id-dokument ikun imressaq għada t-Tnejn jew inkella nhar it-Tlieta. Dan minkejja li kien mifhum li dan id-dokument se jkun ippubblikat mal-Baġit.
Minkejja li għadu mhux ċar x’se jkunu l-proposti li se jagħmel il-Gvern huwa mifhum illi fost dawn u fost l-aktar importanti se jkun hemm il-bżonn illi jkun hemm durata minima stabbilita ta’ kirja. Dan ifisser li kirja li tkun għal resident ikollha perjodu stabbilit li huwa l-minimu, dan biex jingħata aktar serħan il-moħħ lil dawk li qegħdin jikru mhux biss fir-rigward tal-perjodu illi fih se jgħixu fil-proprjetà mikrija, imma wkoll serħan il-moħħ fir-rigward tal-valur tal-kirja.
Din il-gazzetta ilha tkun infurmata li hemm reżistenza partikolari minn diversi bnadi, l-aktar mis-sidien u mill-Malta Developers’ Association, biex ċerti miżuri ma jidħlux fis-seħħ. Fost dawn hemm propju din, dwar id-durata minima. Hemm min jargumenta illi dan jista’ jkun ta’ diżinċentiv għas-sid, li allura mbagħad jippreferi jikri l-proprjetà b’kirja ta’ perjodu qasir (madwar sitt xhur), ladarba d-domanda għal din it-tip ta’ kirja hija tajba wkoll u ladarba mhux marbut b’durata.
Din il-gazzetta tinsab infurmata wkoll illi proposta oħra li ma sabitx wisq appoġġ kienet dik li titratta tip ta’ indiċi tal-valur tal-kirja li tagħti l-valur medju ta’ kirja f’lokalità jew inkella f’toroq u żoni varji fil-lokalitajiet differenti.
Minkejja li l-Gvern u speċifikament il-Prim Ministru Joseph Muscat, wiegħdu li din il-White Paper se tkun ippubblikata, il-pressjoni hija kbira hekk kif bħalissa l-valur tal-proprjetà huwa wieħed għoli ħafna, bil-qasam irendi profitti tajbin, b’numru jikber ta’ nies li qed jixtru biex jikru u (kif dejjem kienet) persentaġġ qawwi ta’ persuni li huma sidien ta’ darhom. Dan allura jfisser li l-proposti se jkunu qed jolqtu persentaġġ żgħir ta’ nies, filwaqt li jaf inaffar ħafna.
Il-kwistjoni tal-valur tal-kirjiet, liema valur sploda fl-aħħar snin, hija frott domanda qawwija minn ħaddiema barranin, speċjalment ħaddiema fis-settur finanzjarju u tal-gaming illi ħafna minnhom għandhom pagi ogħla mill-medja f’pajjiżna. Huwa riżultat ukoll ta’ xejra li żdiedet, l-aktar fost ħaddiema u anke studenti barranin ta’ flat-sharing, li allura jfisser li l-kirja ogħla tinqasam bejn aktar nies u allura tkun “irħas” għal kull individwu.
Kienet il-gazzetta ILLUM l-ewwel li ppubblikat stejjer dwar il-kirjiet, billi f’Mejju 2015 żvelat proposta għall-kontrolli fil-kirjiet liema proposta saret minn bint l-eks Prim Ministru Laburista Dom Mintoff, Yana Mintoff. Minkejja li din il-proposta ma sabitx l-appoġġ taż-żewġ partiti, il-Gvern kien beda diskussjoni li waslet quddiem il-kabinett.
Il-Gvern kien ħabbar żidiet fis-sussidju li jingħata lill-inkwilini, liema miżura sfortunatament wasslet biex diversi sidien jgħollu l-prezz tal-kirja. Kien il-PM Muscat illi waqt programm fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista ħabbar illi jekk is-sussidji li ta l-Gvern ma jaħdmux biex isolvu l-problema tal-kirjiet, il-Gvern se jara illi dan is-settur ikun regolarizzat.
Nhar it-12 ta’ Awwissu 2018 din il-gazzetta żvelat kif id-dewmien biex tkun ippubblikata l-White Paper hija frott il-biża’ li l-kirjiet jisplodu. Nhar is-26 ta’ Awwissu l-ILLUM żvelat kif waħda mill-proposti tal-Malta Developers’ Association għall-Baġit kienet tipproponi li sidien li jkunu lesti li jitolbu kirja baxxa lil dawk li ma jkunux jifilħu jħallsu kirjiet għoljin, igawdu minn inċentivi ta’ tnaqqis ta’ taxxa meta jiġu biex ibigħu dik l-istess proprjetà.
Il-White Paper qed tkun immexxija mis-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes u grupp ta’ persuni, fosthom nies esperti fil-qasam tal-housing.