Kamera li taf kollox dwarek? Intom komdi biha?
F'Paceville se tkun introdotta sistema aktar sofistikata ta’ CCTV li tgħarfek u tkun taf id-dettalji personali tiegħek L-ILLUM tistaqsi u tagħti ħarsa lejn x’ġara f’pajjiżi oħra fl-aħħar xhur
minn Yendrick Cioffi
Il-privatezza saret xi ħaġa li kulħadd jiġġieled għaliha u jgħożżha bħala waħda mid-drittijiet fundamentali tiegħu, anke jekk fl-istess nifs kulħadd iperreċ ir-ritratti ta’ fejn qiegħed, x’qed jiekol, x’film qed jara jew tat-tapit ġdid li xtara għas-salott, fuq Facebook u Instagram
Id-diskussjoni dwar id-dritt tal-privatezza reġgħet qamet hekk kif fil-Baġit għas-sena d-dieħla, il-Gvern ħabbar li, “wara konsultazzjoni,” f’Paceville se tkun installata t-teknoloġija magħrufa bħala “facial recognition” bl-għan li tissaħħaħ is-sigurtà. Il-Marsa hija fost lokalitajiet oħra (li l-Baġit ma jsemmix) fejn qed ikun ikkunsidrat li tiġi introdotta din it-teknoloġija.
Wieħed jistaqsi, mhux diġà jeżistu kameras tas-sigurtà f’dawn il-lokalitajiet? Iva hekk hu, iżda din it-teknoloġija hija aktar avvanzata għax, fi kliem sempliċi, din mhux sempliċiment turik filmat ta’ persuni li kienu f’post partikolari f’ħin preċiż, iżda tidentifika wkoll lil dawk li jidhru fil-filmat.
Ġieli tellajt ritratt fuq Facebook u awtomatikament għaraf l-uċuh li jidhru fih? Bażikament din is-sistema tagħmel l-istess. Wiċċ ikun skenjat b’sistema biometrika li tagħraf il-wiċċ u tidentifika l-persuna.
‘Irid ikun hemm qafas legali bis-salvagwardji fil-liġi’
Dwar din il-proposta, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ David Gauci, Head of Compliance, tal-Kummissarjat għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data li saħaq li qabel tkun introdotta din it-teknoloġija, irid ikun hemm qafas legal bis-salvagwardji fil-liġi. Fid-diskors tal-Baġit, il-Gvern ukoll saħaq dwar dan u assigura li se jiġu mħarsa d-drittijiet umani.
Mistoqsi jekk kienx hemm konsultazzjoni mal-Kummissarjat, Gauci qal li kien hemm taħdidiet mal-Gvern meta l-kwistjoni kienet qamet l-ewwel darba f’Diċembru tas-sena li għaddiet, madanakollu insista li għadha fi stadju bikri u ma kien hemm xejn konkret.
Minkejja dan, waqt id-diskors tal-Baġit, il-Ministru Scicluna qal ukoll li fl-aħħar xhur kienet għaddejja ħidma biex ġie installat l-apparat neċessarju f’data centre għal użu fuq bażi esperimentali u li preżentament l-apparat “qiegħed jintuża f’ambjent mhux pubbliku u f’rispett sħiħ tal-liġijiet tal-privatezza billi jiġu użati l-aħjar prattiċi internazzjonali.”
“Ma nafux daqshekk biżżejjed dwar kif il-Gvern irid jimplimentaha,” saħaq Gauci waqt li appella biex isir studju sewwa u jkunu indirizzati r-riskji kollha li se jkun hemm għall-privatezza.
Fost dawn, Gauci staqsa jekk hux se jkun hemm ‘database’ disponibbli biss għall-Pulizija. “X’se taqbad? Se taqbad lil kulħadd? X’se jiġri b’dik id-data? Se jkun hemm blurring?”
Apparti minn hekk semma wkoll tħassib li jitqajjem ukoll f’rapporti dwar it-teknoloġija tas-‘self recognition,’ fosthom meta t-teknoloġija, abbażi ta’ xebh, tidentifika l-persuna żbaljata, jew inkella dak li jissejjaħ bħala ‘false positives.’
‘Jeħtieġ bilanċ bejn is-sigurtà u l-privatezza’
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Malcom Mifsud qal ma’ din il-gazzetta, li filwaqt li t-teknoloġija tista’ sservi ta’ detterent, importanti li jinħoloq bilanċ bejn is-sigurtà u l-privatezza tal-persuni li jinzertaw jiġu identifikati fil-filmat.
Mifsud spjega kif il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data tgħid iswed fuq l-abjad kif l-Att ma għandux japplika għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali li l-awtoritajiet kompetenti, bħall-Pulizija, ikollhom bżonn jużaw għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali u anke jekk l-istess data tkun kruċjali għall-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”
Madanakollu fakkar ukoll f’Avviż Legali li daħal fis-seħħ f’Mejju li għadda bl-għan li jiddaħħlu fis-seħħ l-obbligi taħt id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea, magħrufa aħjar bħala l-GDPR (2016/679) u regoli oħra Ewropej (2016/680) dwar il-protezzjoni ta’ persuni innoċenti fl-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet f’każijiet kriminali.
Fil-fatt, taħt il-GDPR, dik magħrufa bħala ‘Facial biometric data,’ diġà hija meqjusa bħala kategorija speċjali ta’ data.
“Tista’ tintuża b’mod ħażin jekk…”
Malcomn Mifsud saħaq dwar l-importanza li l-konsultazzjoni li wiegħed il-Gvern tispjega x’tip ta’ teknoloġija se tkun qed tintuża u kif se tkun ipproċessata l-informazzjoni miġbura.
“Tista’ tintuża b’mod ħażin,” saħaq Mifsud jekk ma jkunx hemm salvagwardji dwar kif se tintuża u għand min se tkun din l-informazzjoni. Insista li t-tħassib ewlieni huwa li l-informazzjoni li tista’ tinġabar fuq persuni li jinzertaw fil-post mingħajr l-ebda fini, se tkun f’idejn terzi persuni.
Kien għalhekk li insista aktar minn darba fuq l-importanza li jkun hemm parametri ċari dwar il-ġbir ta’ din l-informazzjoni u jkun hemm ‘watchdog’ li jkollu l-poteri eżekuttivi li jipproteġi lil dawk li ma għandhomx x’jaqsmu u li l-informazzjoni tagħhom titneħħa malajr kemm jista’ jkun.
Imma postijiet bħal Paceville mhux diġà miżgħuda b’CCTVs li jirrekordjaw lil kull min ikun hemm? X’differenza se tagħmel? Mifsud insista li din is-sistema hija aktar sofistikata u tidentifika l-persuna bl-isem u d-dettalji kollha tagħha.
Kompla jispjega li mill-esperjenza tiegħu, f’każijiet li kellu dwar Paceville, il-kameras tas-sigurtà huma dawk privati li ġew installati mis-sidien tad-diversi clubs, bars u ristoranti.
Għalkemm mhux l-ewwel darba li l-Pulizija titlob filmati minn dawn il-kameras, mhux dejjem ikunu ta’ għajnuna, mhux biss għax ma jkunux qed iħarsu lejn it-triq, iżda speċifikament lejn il-bieb jew ġewwa tal-klabb, imma anke għax il-kwalità mhux dejjem se tkun tajba.
Għalhekk wieħed jistenna li t-teknoloġija l-ġdida li se tkun introdotta, tista’ tgħin aktar lill-Pulizija u lill-awtoritajiet fl-investigazzjoni tagħhom.
U s-sidien f’Paceville x’jaħsbu?
Intant, din il-gazzetta tkellmet ukoll mal-President tas-sezzjoni tal-GRTU għas-setturi tat-turiżmu, l-ospitalità u d-divertiment, Philip Fenech, li saħaq li s-sidien f’Paceville huma pożittivi dwar kwalunkwe sistema li se żżid il-kontroll fiż-żona.
Fi kliemu, is-sistema tal-‘facial recognition,’ se tkun qed isservi ta’ deterrent u se sservi bħala element ta’ sigurtà għal din iż-żona ta’ divertiment li ħafna drabi tispiċċa fuq l-aħbarijiet għar-raġunijiet il-ħżiena.
Fenech ikkonferma wkoll dak li qal l-Avukat Mifsud, jiġifieri li s-sidien kemm-il darba ntalbu mill-Pulizija biex jgħaddu filmati mill-kameras tagħhom. Fi kliemu, sidien ġieli kellhom iħallsu minn buthom biex iqabbdu persuni li jfittxu l-filmati li jintalbu.
Iżda Philip Fenech qal ukoll li apparti l-użu tagħha f’każijiet partikolari, din it-teknoloġija se sservi wkoll għall-immaniġjar ta’ din iż-żona anke fid-dawl ta’ dak li sejjaħ bħala “żvilupp bla preċedent” li Paceville se jara fis-snin li ġejjin.
Imma barra minn Malta qed taħdem?
Anke jekk għal Malta din it-teknoloġija hija ġdida, għal pajjiżi oħra bħall-Ingilterra, l-Istati Uniti u ċ-Ċina hija komuni, iżda l-kontroversji dwarha ma jonqsux.
Fil-fatt, żewġ organizzazzjonijiet li jaħdmu favur id-drittijiet umani, ‘Liberty’ u ‘Big Brother Watch’ hedded lill-Pulizija ta’ Londra u ta’ New South Wales b’passi legali għax qed jisħqu li din it-teknoloġija mhux qed tkun sorveljata, tikser il-privatezza u thedded ukoll id-drittijiet tal-libertà tal-kelma u l-libertà tal-assoċjazzjoni.
Fil-fatt, il-Pulizija qed ikunu akkużati li użaw din it-teknoloġija biex jissorveljaw il-folol li niżlu jipprotestaw f’Jum it-Tifkira tas-sena li għaddiet. L-attivisiti qed jisħqu li din it-teknoloġija se tkun qed tbiddel liċ-ċittadini “f’karti tal-identità mexjin.”
Il-Pulizija ta’ New South Wales kienet diġà ddefendiet l-użu ta’ din it-teknoloġija wara li kien ġie żvelat li waqt il-final taċ-Champions League tal-2017, aktar minn 2,000 persuna kienu ġew identifikati ħażin bħala ‘kriminali potenzjali.’
Fil-fatt, rapport ippubblikat fi Frar li għadda mill-Electronic Digital Rights Group, NGO internazzjonali li tispeċjalizza fi drittijiet diġitali, liema rapport jiffoka fuq l-użu tal-‘facial recognition’ mill-FBI, jisħaq li l-ebda sistema ta’ ‘facial recognition’ ma hija 100% preċiża.
Jispjega li meta ritratt jitqabbel ma’ ieħor hemm diversi fatturi li jaffettwaw, fosthom id-dawl, il-perspettiva, id-dellijiet, il-poża u l-espressjonijiet u huwa aktar diffiċli meta ritratt ikun qed jitqabbel ma’ ieħor meħud snin qabel jew inkella ma’ filmat, kif inhu mifhum li se jsir f’Malta.
Iżda f’każi oħra, is-sistema kienet preċiża immens. F’April li għadda, il-Pulizija Ċiniża, permezz tal-‘facial recognition’, irnexxielha, tarresta raġel minn fost folla ta’ 60,000 ruħ li kienu preżenti għal kunċert ta’ mużika. Dan kien ilu mfittex għal tul ta’ żmien.
U f’Malta, l-għaqdiet x’jaħsbu dwarha? Anke jekk f’Malta għadha ma ġietx introdotta, diġà tqajmu diversi mistoqsijiet dwar din is-sistema.
F’Diċembru tas-sena li għaddiet, ftit wara li ssemmiet għall-ewwel darba din il-proposta, esperti mill-Malta IT Law Association kienu wissew dwar ir-riskji għall-privatezza marbuta ma’ din is-sistema u anke dwar ineżatezzi marbuta magħha.
Kienu ħeġġew ukoll għal diskussjoni serja bl-għan li tkun żviluppata politika u sistema legali u etika li timxi skont standards Ewropej.
Meta ssemmiet għall-ewwel darba dit-teknoloġija?
Kienet il-kumpanija tal-Gvern Safe City Malta li f’Diċembru tas-sena li għaddiet ħabbret li qed tippjana l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ monitoraġġ ‘safe city’ li tinkludi sistemi ta’ CCTV HD u software ta’ ‘facial recognition’ biex tassisti lill-Pulizija fil-monitoraġġ tagħhom tal-ibliet u l-irħula.
‘Safe city’ huwa kunċett li Huawei, kumpanija Ċiniża fil-qasam tat-teknoloġija, qed timplimenta f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.
Fil-fatt, f’April tal-2016, il-Gvern Malti ffirma memorandum ta’ ftehim ma’ Huawei bl-għan li Safe City ikun introdott f’Malta wkoll.
Rappreżentant tal-Ġnus Magħquda għall-privatezza, Joseph Cannataci, kien wera t-tħassib tiegħu dwar din is-sistema u saħanistra ltaqa’ mad-direttur ta’ Safe City Malta, dak iż-żmien Joseph Cuschieri, biex jiddiskutu r-riskji li dan il-kunċett jista’ jkollu dwar il-privatezza.
Min-naħa tiegħu, Cuschieri, f’ittra li kien bagħat lill-gazzetta oħt MaltaToday, kien serraħ ras dawn li wrew it-tħassib tagħhom dwar din it-teknoloġija billi insista li s-sistema se tkun implimentata u mmexxija skont il-liġijiet tal-protezzjoni tad-data u tal-privatezza.
Kien qal ukoll li l-assoċjazzjoni interessata li tkun magħżula, se tieħu f’idha r-responsabbilità li twettaq is-sorveljanza u se tkun obbligata wkoll li twettaq Privacy Impact Assessment.
Għalhekk, hu mifhum li d-diskussjoni li se tkun għaddejja fix-xhur li ġejjin se tkun qed tiddeċiedi wkoll liema entità se tkun qed tmexxi din is-sistema u li mhux neċċessarjament tinvolvi lill-Pulizija.