Skont The Sunday Times of Malta, il-Pulizija Maltija identifikat grupp ta' "aktar minn żewġ," Maltin li jidher li huma l-imħuħ wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Ir-rapport jisħaq li uffiċjali għolja fl-investigazzjoni qalu lill-gazzetta li l-investigazzjoni "tinsab fi stadju avvanzat ħafna," u li s-suspettati ewlenin issa ġew identifikati.
Minkejja dan, għadu mhux magħruf meta tkun konkluża l-investigazzjoni u ma ngħatatx aktar informazzjoni dwar is-suspettati u jekk dawn humiex ġejja mid-dinja politika, tan-negozju jew inkella minn xi ċirku kriminali.
Skont ir-rapport, il-Pulizija tinsab f'kuntatt kontinwu mal-Europol għax hemm ħafna informazzjoni li teħtieġ analiżi aktar profonda. Jidher ukoll li fin-nofs hemm tranżazzjonijiet finanzjarji u evidenza oħra.
Din il-ġimgħa, rapport tal-MEPs li żaru Malta f'Settembru li għadda jgħid li skont il-Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar, l-investigazzjoni tinsab fi stadju kruċjali u li jinsab ċert li se tħalli r-riżultati.
Caruana Galizia nqatlet b'bomba fil-karozza nhar is-16 ta' Ottubru 2017.
Alfred u George Degiorgio, flimkien ma' Vince Muscat qed ikunu akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia