Jipproponu li l-bjut tal-Belt Valletta jinbidlu f’ġonna
Din hija waħda mill-proposti li ssemmew waqt l-attività Climathon li indirizzat l-isfidi tat-traffiku u t-tniġġis li qed tiffaċċja l-Belt Valletta
minn Yendrick Cioffi
Kumpanija li tipprovdi servizzi ta’ ‘landscaping’ fuq is-soqfa qed tipproponi li l-bjut tal-Belt Valletta jinbidlu f’ġonna bil-għan ikun li jonqos it-tniġġis tal-arja fil-kapitali.
Spjegat kif is-soqfa tad-djar Maltin, partikolarment dawk tal-Belt Valletta joffru l-ispazju kollu biex jinħolqu ġonna li jgħinu wkoll biex itaffu s-sħana mhux biss ġewwa d-djar iżda anke fl-ambjent tal-madwar.
Din kienet waħda mill-proposti li ssemmiet waqt Climathon, attività li ssir darba fis-sena taħt il-progamm Climate-KIC li huwa ffinanzjat bil-fondi Ewropej H2020.
Climathon iġġib flimkien żgħażagħ, studenti u professjonisti li jiddiskutu l-aħjar modi biex bihom ikunu indirizzati l-isfidi marbuta mat-tibdil fil-klima. Din is-sena seħħet madwar 113-il belt madwar id-dinja kollha.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Anton Theuma, id-direttur ta’ Paragon Europe li torganizza din il-konferenza u spjega kif din is-sena, l-attività f’Malta, iffukat fuq dawk l-isfidi ambjentali li qed tiffaċja l-Belt Valletta.
X’inhuma l-akbar sfidi li qed jiffaċjaw il-Beltin?
Theuma spjega kif qabel l-attività, sar stħarriġ każwali fost ir-residenti Beltin u minnu rriżulta li t-traffiku, it-tniġġis ikkawżat minnu, kif ikoll in-nuqqas ġenerali ta’ ndafa madwar il-Belt, kienu fost l-aktar problem li ssemmew.
Il-Beltin urew ukoll it-tħassib tagħhom dwar in-nuqqas ta’ infurzar dwar l-imwejjed u s-siġġijiet fit-toroq, l-istorbju, in-nuqqas ta’ distinzjoni bejn il-bżonnijiet tar-residenti u dawk tan-negozju u anke l-parkkeġġ.
Anton Theuma fakkar kif għal dawn l-aħħar snin, il-Belt għaddiet minn proċess ta’ riġenerazzjoni li wassal biex din il-Belt tqum lura fuq saqajha u terġa’ tikseb iċ-ċentralità li kellha fil-ħajja ta’ ħafna Maltin kif ukoll bħala attrazzjoni turistika.
“Ovvjament, dan kollu jfisser ukoll li l-Belt kellha tibda taffaċċja sfidi ġodda,” kompla Theuma. “Ir-residenti qed jgħixu f’ambjent li mhux imdorrija fih - riġenerazzjoni u żvilupp mgħaġġel li mhux dejjem qed jikkunsidraw il-ħtiġijiet partikolari tar-residenti fosthom iż-żieda qawwija fil-konġestjoni tat-traffiku u dak li nsejħulu noise pollution.”
Propju għalhekk li ma setax jonqos li waqt Climathon jitressqu diversi proposti li jindirizzaw l-isfidi tat-traffiku u t-tniġġis.
X’kien propost għat-traffiku u l-parkeġġ?
Fost dawn, qed tkun proposta sistema ta’ ‘hubbing’ barra l-Belt Valletta bil-għan li jonqsu l-vannijiet li ta’ kuljum joħonqu t-toroq tal-Belt Valletta biex iwasslu l-prodotti u l-ikel lill-istabbilimenti u l-ħwienet.
Għalhekk, il-proposta tipproponi li minflok ikun hemm trakk dieħel u ħiereġ il-Belt Valletta għal kull ħanut u stabbiliment, ikun hemm vetturi apposta li jagħmlu d-deliveries lil kulħadd.
Theuma saħaq li proposta oħra li ntlaqgħet tajjeb kienet tipproponi sistema ta’ karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu bl-elettriku li jkollhom rotta ċirkolari madwar iċ-ċentru tal-Belt biex jintużaw minn dawk kollha li jidħlu l-Belt b’mod regolari. L-għan ta’ din is-sistema hu li jonqsu vetturi minn impjegati u turisti li jidħlu fil-Belt.
…u għat-tniġġis tal-arja u l-problema tal-proprjetà?
Proposta oħra indirizzat l-eluf ta’ karti li ta’ kuljum jintużaw mill-uffiċini u d-dipartimenti fil-Belt Valletta. “Kieku l-ammont ta’ karta li tintuża minn dawn kollha jonqos, l-impatt diġà jkun wieħed ferm tajjeb,” saħaq Theuma.
Professjonisti oħra semmew il-bżonn li jkunu żviluppati miżuri għal akkomodazzjoni aktar inklussiva li tagħti l-opportunita lil dawk ir-residenti li forsi qed jikru fil-Belt biex ikunu jistgħu jaffordjaw proprjetà fil-kapitali.
Issa x’se jsir mill-proposti?
Iżda issa x’se jsir minn dawn il-proposti? Theuma spjega kif dawn l-ideat u oħrajn se jkunu qed jiġu evalwati ma’ dawk kollha kkonċernati bl-għan li ikun studjat il-potenzjal tagħhom.
Wara dan, Paragon Europe tkun tista’ tgħin lil dawk li jkollhom proposta b’potenzjal biex jiksbu fondi mingħand Climate-KIC, biex iwettaq proġett pilota biex tkun ikkonfermata l-vijabbilità tal-proġett.