'Il-poteri vasti li għandu l-PM joħolqu riskju serju għas-saltna tad-dritt' - Esperti legali
- Il-Kummissjoni ta' Venezja tfaħħar ir-riformi li daħħal il-Gvern fl-aħħar snin iżda tisħaq li fadal ħafna xi jsir
- Tipproponi li jiżdiedu l-pagi tal-Membri Parlamentari u turi t-tħassib dwar il-ħatra tagħhom f'karigi importanti
- Tipproponi wkoll ħatriet aktar trasparenti għall-Kummissarju tal-Pulizija u l-membri tal-Ġudikatura
minn Yendrick Cioffi
Il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tal-Liġi, magħrufa aħjar bħala l-Kummissjoni ta’ Venezja, qed tirrakkomanda li jonqsu l-poteri tal-Prim Ministrun biex ma jibqax l-uniku responsabbli minn ħatriet importanti, fosthom membri ta’ kummissjonijiet indipendenti u biex jonqsu dawk il-ħatriet magħrufa bħala ‘positions of trust.’
L-esperti legali, li jiffurmaw din il-Kummissjoni, qalu dan f’rapport ippubblikat illum wara ż-żjara tagħhom f’Malta x-xahar li għadda, liema żjara saret fuq fuq talba tal-Gvern Malti.
Fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni ta’ Venezja tisħaq li l-poteri li għandu l-Prim Ministru Malti fejn jidħlu ħatriet, tagħmel il-pożizzjoni tiegħu b’saħħitha ħafna u toħloq riskju serju fuq is-saltna tad-dritt.
L-esperti legali jkomplu jisħqu li fid-dawl tal-poteri li għandu l-Prim Ministru, fosthom fil-ħatriet tal-ġudikatura, hemm nuqqas ta’ sistema ta' "bilanċi u kontrolli," li tiskrutinizza dawn il-poteri u d-deċiżjonijiet.
"Il-Prim Ministru huwa fiċ-ċentru tal-poter u atturi oħra (il-President, il-Parlament, il-Kabinett, il-Ġudikatura u l-Ombudsman) għandhom pożizzjoni istituzzjonali dgħajfa ħafna biex jipprovdu biżżejjed skrutinju," jgħidu l-esperti.
Kif tipproponi li jsiru l-ħatriet fil-ġudikatura?
Fil-fatt, il-Kummissjoni ta’ Venezja, anke jekk tisħaq li t-twaqqif tal-Kummissjoni għall-Ħatriet fil-Ġudikatura kienet pass fid-direzzjoni t-tajba, tikkonkludi li għadha lura milli tassigura l-indipendenza tal-ġudikatura u tipproponi li dawn il-ħatriet jitbiegħdu mill-poter tal-eżekuttiv.
L-istess tikkonkludi għall-proċess ta’ riformi li daħħal fis-seħħ jew li qed jaħdem fuqhom il-Gvern Malti. Jisħqu li dawn ir-riformi huma pożittivi, iżda mhumiex biżżejjed b’mod partikolari fejn tidħol il-ġudikatura u l-prosekuzzjoni kriminali.
L-esperti legali qed jipproponu li l-pożizzjonijiet battala fil-ġudikatura għandhom ikunu mħabbra, bl-applikanti jkunu skrutinizzati mill-Kummissjoni għall-Ħatriet fil-Ġudikatura (li għandha tikber). L-istess għandu jgħodd għall-pożizzjoni tal-Prim Imħallef.
Wara dan il-proċess, ikomplu jispjegaw l-esperti, għandha tkun l-istess Kummissjoni li tipproponi l-kandidati lill-President tar-Repubblika.
Għalfejn titħasseb dwar il-Prosekuzzjoni?
Il-Kummissjoni tinnota kif f'Malta l-maġġoranza tal-prosekuzzjonijiet isiru mill-Pulizija. Huma l-Pulizija li jinvestigaw każijiet kriminali u jtellgħu lin-nies il-Qorti. F'każijiet aktar sejri, l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jidħol direttament fil-prosekuzzjoni.
Il-Pulizija titlob ukoll parir mingħand l-Avukat Ġenerali, f'dawk il-każijiet kumplessi, anke jekk mhux obbligata li timxi skont dan il-parir.
Għalhekk il-prosekuzzjoni hija maqsuma bejn l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija, sistema li l-Kummissjoni ta' Venezja tiddeskriviha bħala "ambigwa" u "problematika" partikolarmant mill-punto di vista tas-separazzjoni tal-poteri.
Tisħaq li meta wieħed jieħu inkonsiderazzjoni l-irwoli tal-Avukat Ġenerali u anke tal-Kummissarju tal-Pulizija (it-tnejn maħtura mill-Gvern), hemm post għal kritika qawwija fejn jdħlu prosekuzzjonijiet politiċi kontroversjali jew sensittivi.
Allura x'qed tipproponi għall-AĠ u l-Kummissarju?
Hawnhekk, il-Kummissjoni tikkritika ħafna l-fatt li f’Malta, l-Avukat Ġenerali għandu rwol doppju, jiġifieri konsulent tal-Gvern u anke prosekutur.
Għalhekk, l-esperti legali jikkonkludu li Malta għandu jkollha Direttur għall-Prosekuzzjoni Pubblika / Prosekutur Ġenerali jew Prosekutur Pubbliku li jieħu l-poter ta’ prosekutur minn idejn l-Avukat Ġenerali u l-Pulizija u li taħtu jkunu jaqgħu wkoll l-inkjesti maġisterjali.
Tipproponi li l-Avukat Ġenerali jżomm il-pożizzjoni tiegħu bħala konsulent tal-Gvern u l-Pulizija tibqa' tieħu ħsieb l-investigazzjonijiet.
Bħall-ħatriet tal-Ġudikatura, l-esperti legali qed jipproponu li l-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija għandha ssir b'mod aktar trasparenti billi f'dan il-każ ikun hemm "kompetizzjoni pubblika."
'Parlament part-time huwa dgħajjef'
Ir-rapport iħares ukoll lejn il-Parlament u jisħaq li għandhom jiżdiedu l-pagi tal-Parlamentari għax fi kliem l-esperti: “Parlament part-time huwa dgħajjef wisq biex jeżerċita kontroll suffiċenti fuq l-eżekuttiv.”
Fil-fatt, filwaqt li jagħmel referenza wkoll għad-dħul privat li Membri Parlamentari (mhux membri fil-Kabinett) jagħmlu mill-professjoni tagħhom u li jagħmilhom inqas dipendenti fuq il-partit politiku, l-esperti jinnutaw kif uħud minnhom inħatru mill-Prim Ministru f’pożizzjonijiet li għalihom jirċievu l-ħlas. “Dan inaqqas mill-indipendenza tagħhom,” jkompli r-rapport.
Apparti li jipproponi li l-Membri Parlamentari jkollhom pagi aħjar biex ikunu jistgħu jiffukaw aktar fuq ix-xogħol Parlamentari, ir-rapport jipproponi wkoll li d-Deputati jibbenefikaw minn “riċerka mhux partiġġjana,” bil-għan li jkunu jistgħu jaqdu dmirhom aħjar.
Filwaqt li jsemmi l-fondi Parlamentari għar-riċerka, jinnota kif dawn il-fondi jibqgħu taħt il-kontroll tal-partiti. Għalhekk, il-kummissjoni ta’ Venezja tipproponi aktar għajnuna għall-Membri Parlamentari fosthom żieda fl-istaff li jkunu jistgħu jassistu lid-Deputati fir-riċerka tagħhom.
...Aktar poteri għall-President
Fost oħrajn, il-Kummissjoni ta’ Venezja tkompli tinsisti li anke l-pożizzjoni tal-President tar-Repubblika għandha tissaħħaħ billi dan l-uffiċċju jingħata aktar poteri eżekuttivi bil-għan li ma jibqax jaġġixxi dejjem fuq il-parir tal-Prim Ministru/Ministru biss.
L-esperti legali jisħqu li l-irwol tal-President għandu jservi wkoll ta’ sistema ta’ ‘checks and balances,” u għalhekk, kemm jista’ jkun, jirrakkomandaw li dan l-uffiċċji jkun aktar indipendenti mill-Gvern.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ta’ Venezja turi wkoll it-tħassib tagħha għall-fatt li fi kliemha, f’Malta hawn soċjetà ċivili u midja indipendenti dgħajfa u jappella lill-Gvern biex jassigura li dawn ikollhom rwol attiv u importanti biex iżommu lill-awtoritajiet responsabbli.
We welcome @VeniceComm #Malta report. @maltagov notes all proposals are related to legacy legislation and not those introduced by it. We generally agree, will consult, discuss and implement recommendations accordingly. Official reaction soon -JM @ChrisFearne @OwenBonnici
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) December 17, 2018
'Se nikkonsultaw u se nimplimentaw' - Il-Prim Ministru
Fuq Twitter, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern Malti jilqa' dan ir-rapport u saħaq li l-proposti kollha huma relatati ma' liġijiet li ilhom fis-seħħ.
Il-Prim Ministru kompla jgħid li l-Gvern jaqbel ma' ħafna mill-proposti u l-konklużjonijiet u se jkun qed jikkonsulta u jiddiskuti bil-għan li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet.
Intant, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, intwera wkoll filmat tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li bħalissa jinsab imsiefer, li matulu spjega kif wara li nhar il-Ġimgħa kien ippubblikat l-abbozz tar-rapport, il-Gvern Malti immedjatament ikkonsulta mal-Kummissjoni.
Huwa fakkar li mill-2013, il-Gvern introduċa riformi importanti waqt li semma diversi liġijiet implimentati, fosthom dik dwar il-protezzjoni tal-Whistleblowers.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici kompla ma' dak il-Prim Ministru u saħaq li l-Gvern jaqbel ma' dak li qed ikun propost mill-Kummissjoni.
Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk hemmx xi punt partikolari li dwaru l-Gvern ma jaqbilx, il-Ministru qal biss li jaqbel fuq il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet u jrid jimplimentahom.
We're not living in a normal country. @coe @VeniceComm recommendations on #ruleoflaw reflect arguments raised by @PNmalta. Another independent institution condemns Muscat's government. Meanwhile the government spins the report as if it was a 'best practice'. #socjetalijimpurtaha
— Adrian Delia (@adriandeliapn) December 17, 2018
'Rapport li qed juri x-xquq li minnhom qed jabbuża l-Gvern' - Adrian Delia
Fi stqarrija, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li dan ir-rapport huwa kundanna ċara fuq il-Gvern anke jekk skont il-Partit Nazzjonalista, il-Gvern qed idawwarha f'ċertifikat.
"Il-Kummissjoni Venezja hija ċarissima fuq il-mod kif il-Gvern qed jaħtar il-poter minn idejn l-istituzzjonijiet," saħaq Delia. "Issa l-Prim Ministru jrid jibda jwettaq ir-riformi u jneħħi l-poteri li minnhom abbuża fuq l-awtonomija tal-istituzzjonijiet."
Delia kompla jisħaq li wara dan ir-rapport jeħtieġ eżami tal-istituzzjonijiet biex tissaħħaħ id-demokrazija u r-reputazzjoni ta' Malta.
"Il-konklużjonijiet huma ċari, u simili għal dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista, li l-Prim Ministru qed jaħtaf il-poter mill-istituzzjonijiet, jikkontrollahom u jxekkel l-awtonomija tagħhom, b'detriment għas-saltna tad-dritt," kompla Delia.
Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista, qed jisħaq li jekk il-Prim Ministru verament għandu għal qalbu l-ħarsien tas-saltna tad-dritt u r-reputazzjoni tal-pajjiż, għandu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, fosthom li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jitneħħewlu r-rwoli doppji.
'Għamel dan ir-rapport il-Blueprint għar-riforma tal-Kostituzzjoni' - Godfrey Farrugia
Il-Kap tal-Partit Demokratiku, Godfrey Farrugia, saħaq li l-partit se jkun qed jifli sew il-konklużjonijet u r-rakkomandazzjonijiet biex ma jitħallewx fuq l-ixkaffa imma jkunu l-bażi tar-riforma Kostituzzjonali.
Fakkar li din il-Kummissjoni hi korp konsultattiv rispettat stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa u r-rapport tagħha jista' jgħin biex tissaħħaħ dik li sejjaħ bħala "sistema politika dgħajfa tagħna."